Friday, February 6, 2026

‘Ninsab tassew eċċitat dwar din l-esperjenza ġdida tiegħi ma’ Marsaxlokk FC’ – Isaac Christie-Davies

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek għall-futbol?

Il-passjoni tiegħi għall-futbol bdiet meta kont żgħir, kont dejjem nilgħab fil-park ma’ missieri u nara l-futbol fuq it-televixin ma’ missieri. Imbagħad beda jeħodni nilgħab fi klabb fil-park nhar ta’ Sibt filgħodu u minn hemm bdiet.

Kif ġejt tilgħab hawn Malta?

L-aġent tiegħi qalli dwar l-opportunità u mbagħad għamilt xi riċerka u indunajt li kienet xi ħaġa li ridt nagħmel. L-opportunità li niġġieled biex nilgħab fl-Ewropa hija xi ħaġa li ridt inkun parti minnha.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Marsaxlokk FC?

Ninsab tassew eċċitat dwar din l-esperjenza. Kif semmejt qabel il-prospett li niġġieled biex nilgħab fl-Ewropa u li niġġieled għat-titlu hija xi ħaġa li rrid inkun parti minnha u nħoss li dan it-tim għandu ċans kbir li jagħmel dan.

Kont diġá ġejt hawn Malta għal kamp ta’ taħriġ ma’ Cercle Brugge fis-snin li għaddew. X’tista’ tgħid dwar Malta?

Ġejt hawn Malta għal kamp ta’ taħriġ biss u ma tantx kelli ċans nesplora lil da nil-pajjiż. Ir-ritratti tal-lukanda u tat-taħriġ u l-istadium nazzjonali biss. Imma mill-ftit li rajt dak iż-żmien deher post sabiħ u xi mkien li ridt inżur anke jekk mhux permezz tal-futbol. Issa li qiegħed hawn u ilni ġimgħa jew aktar rajt aktar mill-pajjiż. Inħobb inkun daqshekk qrib il-baħar, u n-nies kienu jilqgħuni u dan qed iġegħelni nħossni qisni d-dar.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti minn dak li rajt s’issa?

Rajt ħafna logħbiet diġà, u nista’ nara ħafna kwalità fit-timijiet kollha. Jidher li hemm taħlita tajba ta’ plejers b’esperjenza kbira ma’ plejers iżgħar, u wkoll il-kompetizzjoni bejn it-timijiet hija għolja. Naħseb li dan joħloq kampjonat eċċitanti.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

L-istadia jidhru tajbin, ma rajthomx kollha imma l-fatt li jintlagħbu logħob Ewropew u internazzjonali hawn juri li għandhom ċerta kwalità.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza passata tiegħek ma’ Liverpool, fejn lgħabt logħba waħda fil-Kwarti tal-Finali tal-Carabao Cup kontra Aston Villa lura fl-2019?

Iva dik kienet esperjenza u mument mill-aqwa għalija. Ilni partitarju ta’ Liverpool minn mindu kont żgħir, allura d-debutt tiegħi għall-klabb kien ħolma li saret realtá. Qatt mhu se ninsa dak il-mument, meta kelli l-familja tiegħi fl-istands, wara s-sagrifiċċji kollha li għamlu, u l-fatt li kienu miegħi f’dan il-vjaġġ f’kull pass tat-triq, għamluha speċjali ħafna.

X’tikkummenta ful-eks manager ta’ Liverpool, Jurgen Klopp?

Iva kien manager tassew ta’ ispirazzjoni. L-etika tax-xogħol u l-mentalità li nebbaħ fil-klabb kienu fl-opinjoni tiegħi r-raġuni għaliex Liverpool kellhom daqshekk suċċess taħt il-gwida tiegħu. Il-fiduċja fik innifsek, u l-kuraġġ huma xi ħaġa li ħadt mingħandu, u nħoss li dawk il-lezzjonijiet għenuni u se jkomplu jgħinuni fil-bqija tal-karriera tiegħi.

Kif qed tħars lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?

Mhux qed naħseb dwar il-futur imbiegħed tiegħi, qed inħallih f’idejn Alla. L-enfasi tiegħi hija fuq il-preżent, hawn u issa ma’ Marsaxlokk. Jien iffukat fuq li niġġieled għat-tim, u li ngawdi r-rigal li nilgħab il-futbol li tani Alla.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħel karriera ta’ success fil-futbol.

Bħala messaġġ finali inħeġġeġ lil kulħadd biex jibqa’ preżenti u jagħmel l-almu tiegħu kollu. Dan jinstema’ bħala messaġġ sempliċi ħafna imma mhux faċli. Hemm ħafna żidiet u tnaqqis fil-futbol, ​​allura li tibqa’ ffukat, u li tkun hemm tagħmel l-almu tiegħek f’kull mument huwa dak li nimmira għalih, u huwa parir li nagħti lil ħaddieħor!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport