Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Il-passjoni tiegħi għall-atletika bdiet ftit wara l-bidu tal-pandemija tal-COVID-19, meta kelli 15-il sena. Billi dan l-aħħar waqaft nipprattika l-ġinnastika; kont ħerqan li nesplora sport ġdid. Dejjem kont nieħu gost nara l-atletika, u bl-appoġġ ta’ ħabib, ġejt introdott mal-kowċ tiegħi, Rachid Chouhal, li mbagħad ikkuntattjajt biex nibda nitħarreġ miegħu.
Liema suċċessi ewlenin ksibt fil-karriera tiegħek s’issa f’dan l-isport li tant tħobb?
S’issa, kelli l-opportunità li nirrapreżenta lill-klabb tiegħi darba biss barra minn Malta, fil-Lee Valley London Indoor Games ta’ din is-sena f’Jannar. Għalhekk, din se tkun l-ewwel darba li se nirrappreżenta lil Malta mat-tim Nazzjonali f’din il-kompetizzjoni ta’ livell għoli f’Andorra.
Kif tqis il-livell attwali tal-atletika f’pajjiżna?
Nemmen li l-livell attwali tal-atletika f’pajjiżna qed jitjieb b’mod kostanti, partikolarment fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa. Kien hemm żieda notevoli fin-numru ta’ atleti b’talent li qed joħorġu fid-diversi avvenimenti tal-atletika.
U xi ngħidu dwar ir-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Il-faċilitajiet tat-taħriġ, partikolarment it-trakka ta’ barra, huma ta’ standard tajjeb għalkemm jeħtieġu xi rinnovazzjoni peress li ċerti partijiet qed jiddeterjoraw u jibdew jitħassru. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ trakka ta’ ġewwa f’Malta huwa limitazzjoni notevoli. Li jkollok aċċess għal faċilità bħal din ikun ta’ benefiċċju kbir, speċjalment waqt kundizzjonijiet ħżiena tat-temp, u jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-konsistenza tat-taħriġ matul is-sena kollha.
Kif qed tħares lejn il-Logħob tan-Pajjiżi ż-Żgħar 2025 f’Andorra?
Ninsab tassew eċitata u grata li se nkun qed nieħu sehem f’dawn il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Andorra. Peressli din hija l-ewwel kompetizzjoni internazzjonali tiegħi, hija opportunità kbira biex nikkompeti fuq livell internazzjonali u nirrapreżenta lil pajjiżi bi kburija. Qed naħdem ħafna fit-taħriġ biex niżgura li nkun fl-aqwa tiegħi u żgur li se nagħti kollox meta jasal iż-żmien.
U lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Meta nħares ‘il quddiem, l-għan tiegħi huwa li nkompli ntejjeb il-prestazzjonijiet tiegħi fl-avvenimenti tat-trakka tiegħi u nibqa’ nitħarreġ biex nikkompeti f’kompetizzjonijiet internazzjonali ogħla. Naf li l-vjaġġ mhux dejjem se jkun faċli, imma jien motivat ħafna biex nibqa’ nimbotta lili nnifsi u nistinka għall-eċċellenza. Jiena grat immens lejn il-kowċ tiegħi, li t-twemmin tiegħu fija u fil-potenzjal tiegħi kellu rwol kbir fl-iżvilupp tiegħi bħala atleta. Ma kontx inkun fejn jien mingħajr il-gwida u l-appoġġ tiegħu matul dawn l-aħħar erba’ snin li ili nagħmel dan l-isport.
Għaddi messaġġ finali lil dawk li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fl-atletika
Lil kull min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika, il-parir tiegħi huwa li jibqa’ impenjat u dejjem jafda l-proċess, il-paċenzja hija essenzjali. Se jkun hemm mumenti ta’ dubju, intoppi, u nies li ma jemmnux fil-potenzjal tiegħek, imma t-twemmin tiegħek fik innifsek huwa dak li jimporta l-aktar. Ibqa’ ffukat, dawwar lilek innifsek b’nies li jappoġġjawk u jemmnu fik, u kompli aħdem ħafna biex tilħaq il-miri tiegħek. Id-dedikazzjoni, id-dixxiplina u r-reżiljenza tiegħek se jagħtu l-frott u finalment, tkun grat għax-xogħol kollu li tagħmel.