Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech enfasizza li l-approċċ tal-Oppożizzjoni huwa biex nittrattaw il-Kostituzzjoni b’rispett fl-integrità tagħha biex din tibqa’ liġi suprema fil-pajjiż, li tkun qiegħda tara li d-demokrazija f’pajjiżna sseħħ bil-fatti u mhux bil-kliem.
Iżda skontu dan mhux rifless fl-imġiba tal-Gvern li qal li “ressaq numru ta’ emendi, ftit emendi f’eżerċizzju li sar malajr, kontra l-ħin.” Dr Grech żied jgħid li l-Oppożizzjoni kemm-il darba tkellmet fuq il-fatt li hi favur riforma sħiħa fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.
“Għaldaqstant dejjem għarafna illi pajjiżna fil-Kostituzzjoni tiegħu għandu bżonn illi nħarsu lejha imma wkoll nimpenjaw ruħna li din ir-riforma tkun waħda serja. Riforma sħiħa, ħolistika,” qal il-Kap tal-Oppożizzjoni. “Din id-darba erġajna tkellimna ċar. U għandna qed nitkellmu ċar u għamilna invit lill-Gvern biex ikun hemm dan il-proċess. U r-rieda tagħna illli nagħmlu dan il-proċess sħiħ, għadu hemm u jibqa’ hemm.
Sadanittant, fi tmiem id-dibattitu parlamentari, ittieħed vot dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi li għadda b’41 vot favur u 32 kontra. Dan l-Abbozz issa se jiġi trattat fil-Kumitat għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi.