Sunday, November 24, 2024

“Ninvestu fit-tfal għax dawn huma parti essenzjali fis-soċjetà tal-lum”

Għajnuna lill-familji bi tfal żgħar f’diffikultajiet mill-“Home-Start Malta”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

F’konferenza ddedikata għall-aħjar prattiċi għall-ġenituri bi tfal żgħar, il-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali (FSWS) organizzat il-“Home-Start Worldwide Global Conference 2022”. Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, indirizza din il-konferenza fejn b’referenza għall-estimi ta’ allokazzjoni ta’ fondi fil-Budget 2023 saħaq li, “it-tfal huma dawk li għandna ninvestu fihom għax dawn mhux biss huma l-ġenerazzjonijiet futuri, imma huma parti essenzjali fis-soċjetà tal-lum”. 

Madwar id-dinja, inkluż f’Malta, hemm familji u tfal vulnerabbli għaddejjin minn diffikultajiet kbar li ħafna drabi, jekk ma jitkellmux jew jfittxu għajnuna, ma nkunux nafu bihom. Isolazzjoni, problemi finanzjarji, diżabbiltà, stress, problemi fiż-żwieġ, vjolenza domestika, abbuż minn sustanzi, diskriminazzjoni, kif ukoll nuqqas ta’ għarfien dwar prattiċi ġenitorjali huma fost l-isfidi li xi familji jħabbtu wiċċhom magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. 

F’pajjiżna, bil-għan li t-tfal tagħna wkoll ikollhom bidu ta’ ħajja tajba u sana, fl-2006 bdiet il-Home-Start Malta li tagħmel parti tal-Home Start Worldwide, organizzazzjoni volontarja internazzjonali mifruxa fi 22 pajjiżi li permezz ta’ 19,000 volontieri, tagħti sostenn, pariri, kif ukoll għandha skemi li jgħinu lil 37,000 familji u 73,000 tfal.

Imperattiv li nindirizzaw il-problemi fil-bidu tagħhom

F’din il-konferenza ta’ ġurnata bi 15-il pajjiżi delegati, il-Ministru Falzon qal li “bħala pajjiż qegħdin nippruvaw nagħtu xi ħaġa konkreta lit-tfal u lill-familji bil-għan li jkollhom l-aħjar futur possibbli. Huwa kruċjali li nipprovdu l-opportunitajiet u l-aħjar ambjent għat-tfal biex dawn ikunu jistgħu jiżviluppaw il-potenzjal massimu tagħhom”. 

Huwa fakkar li mhux kulħadd għandu l-istess ċirkostanza fil-ħajja imma kollha kemm aħna mwielda l-istess. “Bħala bnedmin aħna parti minn familja waħda, soċjetà waħda, dinja waħda. Huwa imperattiv li nindirizzaw il-problemi fil-bidu u dan huwa l-għan ewlieni ta’ Home-Start – li jmorru minn kmieni fejn hemm il-problemi f’familji bit-tfal żgħar u jindirizzawhom. Dan waħdu juri l-importanza ta’ dan is-servizz,” kompla l-Ministru Falzon.

B’referenza għax-xogħol tant siewi li jsir mill-fergħa Home-Start Malta, kif ukoll dik f’Għawdex, il-Ministru Falzon qal li hemm barra hemm nies twajba u saħaq li mhuwiex biss ideali li naqsmu, imma huwa wkoll dover u responsabbiltà tagħna lkoll.

Għajnuna meta kont taħseb li ħadd ma jimpurtah minnek

Iċ-chair tal-Home-Start National, Remenda Grech tat id-dettalji tat-twelid ta’ din l-organizzazzjoni f’Malta fejn lura fl-2006 din bdiet topera minn uffiċċju żgħir f’Bormla. Maż-żmien Home-Start saret parti importanti minn din il-komunità sakemm fl-2016 saret waħda mill-organizzazzjonijiet taħt il-kappa tal-FSWS. 

Din is-sħubija kienet biss possibbli għax il-Gvern fehem l-importanza tas-servizz li tagħti fis-soċjetà tagħna. Grech qalet li Home-Start huwa servizz kumplimentari tajjeb ħafna mad-diversi servizzi li toffri l-Fondazzjoni li tgħin numru ta’ familji f’ċirkostanzi u diffikultajiet differenti. 

“Huwa importanti li niftakru li r-riċetta ta’ Home-Start huma l-ġenituri li jsiru professjonisti volontieri biex jgħinu ġenituri oħra. Huwa dak il-volontier li miegħu taqsam il-problemi tiegħek, li jgħallmek issajjar, terfa’ l-ħwejjeġ u kif tilgħab mat-tfal… Dan meta kont taħseb li ħadd ma jimpurtah minnek,” inkoraġġiet Grech. 

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, ikkonferma kemm Home-Start Malta hija ta’ valur miżjud tax-xogħol li jagħmlu bħala Fondazzjoni mal-persuni li jmorru għandhom għall-għajnuna. Għal dawk li ma jafux fejn jistgħu jsibu għajnuna, huwa qal li, “is-servizz ta’ Home-Start, li għandu volontieri ġejjin mill-università tal-ħajja għax esperjenzaw personalment il-familja u t-trobbija tat-tfal, huwa l-aħjar post li jmorru”.

It-tfal huma bħal żerriegħa li jridu jsiru frotta 

F’din il-konferenza li fiha laqgħet il-professjonisti u l-volontiera taħt saqaf wieħed tkellem il-konsulent tal-pedjatrija, Dott. Kevin Borg. Dott. Borg qabbel lit-tfal ma’ żerriegħa li maż-żmien trid issir frotta u saħaq fl-importanza li din iż-żerriegħa tingħata l-ilma u l-kura biex tikber. “L-istess fil-każ tat-tfal li skont kif nieħdu ħsiebhom u nrawmuhom, jiddetermina x’tip ta’ adulti jsiru meta jikbru”. 

Filwaqt li semma’ l-element tal-ġenetika, Dott. Borg insista li ambjent mimli stress jew fejn hemm abbużi, jaffettwa ħażin ħafna lit-tfal li jispiċċaw isofru minn trawma jew problemi relatati mas-saħħa mentali. Dan il-konsulent talab biex noħolqu ambjent sigur mimli esperjenzi pożittivi għall-ġid emozzjonali tal-ulied.  

Professjonist ieħor li tkellem kien it-terapist tal-familja tal-FSWS, Karl Wright, din id-darba dwar il-co parenting. Wright saħaq li l-aktar ħaġa li wieħed irid jikkonsidra huwa l-kuntest ta’ kull familja li huma kollha differenti minn xulxin b’realtajiet u sfidi li jvarjaw. 

Wright saħaq li l-ġenituri għandhom jieħdu l-aħjar deċiżjonijiet fl-interess ta’ wliedhom flimkien u li għandhom ikunu ta’ eżempju tajjeb għal uliedhom. “Evitaw il-ġlied u l-għajjat quddiem it-tfal u aktar milli tissuperviżjonawhom minn distanza jew turuhom biss kif jagħmlu l-homework jew jistudjaw, ikun aħjar li ssibu ħin għal interazzjoni rikreattiva fosthom li tilagħbu mat-tfal. Flimkien bħala koppja araw li tagħtu s-sostenn, anke dak emozzjonali, lit-tfal tagħkom,” wissa Wright. 

Dwar vjolenza fuq it-tfal tkellmet Sabine Rakotomala, mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO), fejn qalet li l-ħidma fuq livell globali hija dik li tingħata għajnuna lill-ġenituri u li tiżgura saħħa u sigurtà lit-tfal.

Sport