Thursday, October 9, 2025

Ninvestu fit-tfal, ninvesti fil-ġejjieni

Aqra wkoll

It-tfal huma l-ikbar ġid li għandna bħala soċjetà għax jirrappreżentaw l-preżent u l-futur tagħna. Dawk li se jġorru ’l quddiem il-valuri, l-għarfien u l-ispirtu ta’ Malta ta’ għada. Kull investiment fit-tfal, għalhekk, huwa investiment fit-tama, fil-ġustizzja soċjali u fl-iżvilupp tal-pajjiż. Bħala Gvern, nemmnu li l-politika pubblika trid tpoġġi lit-tfal fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna – kemm meta nitkellmu fuq edukazzjoni u diġitalizzazzjoni, kif ukoll meta nindirizzaw il-benesseri mentali u emozzjonali tagħhom.

F’dawn l-aħħar ġimgħat kelli l-opportunità nattendi żewġ inizjattivi li, minkejja li jittrattaw temi differenti, għandhom dan l-għan komuni: li joffru lit-tfal l-aħjar opportunitajiet biex jikbru f’ambjent li jħejjihom għal ħajja b’saħħitha, diġitali u inklużiva. 

Il-Blossom Project f’Għawdex u l-One Device per Child huma żewġ proġetti appoġġjati minn fondi Ewropej u juru kif l-Unjoni Ewropea tgħin lil pajjiżna jinvesti fil-benesseri u l-ugwaljanza tat-tfal tagħna.

Il-Blossom Project, kofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) b’investiment ta’ aktar minn €2 miljun, hu pass ieħor ’il quddiem fl-appoġġ lejn is-saħħa mentali u emozzjonali ta’ studenti fil-gżejjer tagħna. Permezz ta’ dan il-proġett, se jkunu offruti servizzi psikoloġiċi u terapewtiċi direttament fl-iskejjel, b’għan li jintlaħqu tfal u żgħażagħ fil-bidu tal-isfidi tagħhom, qabel ma dawn jeskalaw u jsiru aktar kumplessi.

Dan l-intervent bikri jagħmel differenza. F’soċjetà fejn it-tfal qed jiffaċċjaw pressjonijiet dejjem akbar – kemm f’darhom kif ukoll fl-ambjent soċjali – għandna d-dmir li noffrulhom l-għodod u l-appoġġ li jħallihom jikbru f’ambjent stabbli u sigur. Dan il-proġett, li qed jiġi kkoordinat mill-Malta Trust Foundation immexxija mill-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, hu eżempju ta’ kif il-fondi Ewropej jistgħu jintużaw biex isaħħu l-komunitajiet tagħna mhux biss ekonomikament iżda wkoll umanament.

Fl-istess ħin, il-proġett One Device per Child – b’investiment ta’ aktar minn €54 miljun, li jinkludu aktar minn €32 miljun f’fondi Ewropej taħt il-Fond Soċjali Ewropew (ESF+) – qed jagħti opportunità ġdida lil kull student fis-Sena 7 tal-istudji tagħhom. Dan l-investiment qed jassigura li kull tifel u tifla jingħata laptop personali bħala għodda ta’ tagħlim diġitali, sabiex ħadd ma jibqa’ lura minħabba ċirkostanzi soċjali jew ekonomiċi.

Din mhijiex biss kwistjoni ta’ teknoloġija; hija kwistjoni ta’ ugwaljanza. Għalhekk, flimkien mal-kollega l-Ministru Clifton Grima, kellna l-pjaċir inwasslu dawn il-laptops lill-uħud minn dawn it-tfal fl-iskola tan-Naxxar – esperjenza li turi kif l-viżjoni tal-Gvern dwar edukazzjoni moderna qed issir realtà grazzi għall-appoġġ Ewropew.

Dawn iż-żewġ proġetti juru l-essenza ta’ dak li jfissru l-fondi Ewropej: investiment fil-bniedem. Investiment li jgħin lill-pajjiż jikber b’mod ġust u inklużiv, li jindirizza kemm il-ħtiġijiet materjali kif ukoll dawk emozzjonali u edukattivi.

Il-fondi Ewropej huma għalhekk aktar minn strumenti finanzjarji; huma mezz biex nibnu soċjetà aktar miftuħa, diġitali u b’saħħitha. Bħala Gvern, se nibqgħu naħdmu biex dawn il-fondi jinbiddlu f’opportunità reali li jagħtu futur aħjar lit-tfal ta’ llum, u għal Malta ta’ għada.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport