Saturday, December 21, 2024

“Ninvolvu lill-edukaturi fid-djalogu u t-tfassil”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ir-rappreżentanti tal-GWU, Kenny Muscat u Gabriel Pullicino, b’reazzjoni għad-diffikultajiet li ilhom jiffaċċjaw l-edukaturi 

Miktub minn Carmen Cachia, Filmat: Alan Saliba

YouTube video

L-edukaturi f’Malta qegħdin dejjem jonqsu u l-Gvern għal dawn l-aħħar snin ħadem biex iħajjar aktar studenti biex jidħlu għal din il-professjoni u jżomm lil dawk li diġà jinsabu f’din il-linja ta’ xogħol. Iżda, min diġà huwa f’din il-professjoni, anke għal snin twal, qiegħed isib ruħu f’diffikultajiet fost l-oħrajn xogħol li ma jistgħux ilaħħqu miegħu, nuqqas ta’ spazju, tibdil fil-kurrikulu, studenti b’kapaċitajiet differenti inklużi dawk b’diffikultajiet fil-lingwa, tgħajjir fuq il-midja soċjali u nuqqas ta’ fiduċja lejhom bħala professjonisti. 

Inewsmalta tat vuċi lil għadd ta’ edukaturi li stqarru li l-problemi li hemm fil-qasam edukattiv ilhom ġejjin is-snin twal u li diffiċli biex ikunu solvuti. Isostnu li l-unika mod biex nimxu ‘l quddiem f’dan is-settur huwa li huma jkunu involuti fid-diskussjonijiet u t-tibdil fl-edukazzjoni. Jisħqu li r-rappreżentanti trejdunjonistiċi tagħhom jistgħu jitkellmu għalihom biss jekk imissu u jaraw b’idejhom is-sitwazzjonijiet li jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum fil-klassi. 

Proprju mil-lat trejdunjonistiku tas-sitwazzjoni, dan il-ġurnal tkellem ma’ żewġ rappreżentanti tal-General Workers’ Union (GWU) – Kenny Muscat u Gabriel Pullicino – fejn it-tnejn huma konxji tad-diffikultajiet tal-edukaturi u jemmnu li wasal iż-żmien li jsir xi ħaġa tanġibbli biex tinqaleb il-folja għall-aħjar. Dan minħabba li din il-professsjoni hija kruċjali għad-dinja tax-xogħol fis-setturi kollha, kif ukoll għas-soċjetà preżenti u dik futura. Muscat u Pullicino jisħqu fl-importanza li l-għajta tal-edukaturi tinstema’ u li l-edukaturi jibdew jingħataw l-opportunità li jkunu parteċipi huma fit-tibdil u fl-iżvilupp tal-qasam edukattiv.

Pjattaformi b’saħħitom biex l-edukaturi jkunu parteċipi b’mod attiv

Kenny Muscat spjega kif il-GWU tirrapreżenta eluf ta’ ħaddiema f’numru infinit ta’ rwoli u professjonijiet varji fis-setturi kollha mifruxin ma’ mijiet ta’ postijiet tax-xogħol differenti. “Huwa ċar għalina bħala trejdunjonisti, li jekk hawn settur fejn il-ħaddiem huwa l-perm u fulkrum tas-sistema kollha, dan huwa proprju s-settur tal-edukazzjoni u għaldaqstant l-edukaturi. Jista’ jkollok l-aqwa strutturi, iżda jekk m’għandekx ħaddiem/għalliema motivati, determinati u ppreparati, is-sistema tikkrolla kollha,” kompla r-rappreżentant.

Il-GWU bħala rappreżentanta ta’ eluf ta’ ħaddiema b’xi mod tara r-riżultat u l-effett tas-sistema edukattiva fil-postijiet tax-xogħol differenti u għalhekk tifhem li l-edukaturi jaħdmu wkoll fuq il-karattru tal-studenti. Il-professjoni tal-edukaturi hija partecipi fl-iżvilupp tal-persuna għal tal-inqas l-ewwel 14-il-sena ta’ ħajtu. Mit-tfulija sal-adoloxxenza, l-edukaturi jgħallmu, jigwidaw u jiżviluppaw lill-istudenti fl-istadji varji tal-formazzjoni ħolistika tagħhom.

Muscat qal li, “għalhekk, meta wieħed jikkonsidra dawn il-fatti kollha, irid jifhem li huwa imperattiv li l-istituzzjonijiet u b’mod speċjali r-rappreżentanti tal-ħaddiema, ifasslu pjattaformi b’saħħitom biex l-edukaturi jkunu parteċipi b’mod attiv fit-tfassil u fid-djalogu tal-mizuri fl-edukazzjoni bħala dawk li, direttament jgħixu l-isfidi u l-opportunijitiet f’kull klassi ta’ kull kulleġġ f’Malta u Għawdex”.

Sitwazzjoni perikoluża ħafna għas-soċjetà…

Gabriel Pullicino min-naħa tiegħu jemmen li l-edukaturi huma professjonisti bħall-oħrajn u għaldaqstant għandhom jitqiesu tali. “Sfortunatament l-edukaturi f’pajjiżna qegħdin jonqsu u din hija sitwazzjoni perikoluża ħafna għas-soċjetà. Din il-professjoni hija importanti għax tifforma lit-tfal u lill-adoloxxenti tagħna. Għalhekk jekk irridu li jkun hemm riformi sostenibli u tajbin, irridu ninvolvu lill-edukaturi kollha. Huwa bl-involviment ta’ dawn il-professjonisti biss, li nkunu qegħdin nassiguraw edukazzjoni sostenibli u professjonali f’pajjiżna,” qal Pullicino.

Huwa qal li ilna s-snin nisimgħu bid-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-edukaturi fuq il-lant tax-xogħol tagħhom. Kemm fuq il-midja soċjali, kif ukoll f’artiklu li deher il-ġimgħa l-oħra fuq dan il-ġurnal, il-weġgħa u l-għajta kollettiva tal-edukaturi hija ċara – hemm ħafna problemi u biex insibu tarf hemm bżonn li l-vuċi tagħhom tinstema’ u jkunu parti reali tad-deċiżjonijiet li jittieħdu fis-settur edukattiv. 

F’din is-sitwazzjoni għadd ta’ għalliema, KGEs u LSEs, anke esprimew nuqqas ta’ fiduċja fil-unjins li jirrappreżentawhom u rigward dan, Muscat u Pullicino jemmnu li għandu jkun hemm għaqda li toffri rappreżentanza alternattiva għall-edukaturi f’Malta u dan bil-għan li d-drittijiet tagħhom ikunu mħarsa u jingħataw futur aħjar.

Ekonomija

Sport