Monday, November 11, 2024

“Ninżammu milli nidħlu f’postijiet tad-divertiment bla ebda raġuni”

…. bżonn ta’ panel li jinvestiga l-każijiet u jirrimedja f’każ ta’ diskriminazzjoni

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ilni ngħix ngħix f’Malta sa mis-sena 2016. Jien mis-Sirja. Naħdem legalment u nħallas it-taxxi. M’iniex xi persuna li niffrekwenta Paceville. Mort ma’ persuni Għarab. Lilhom ma daħħalhomx. Meta ġejt biex nidħol talbni l-Karta ta’ l-Identità. Kif ra l-kelma Sirja qalli ma tistax’ tidħol. Tlabtu itini raġuni għaliex ma riedx idaħħalni f’dak il-club. Ma tani ebda sodisfazzjon. Qalli biss ‘ma tistax tidħol”. 

Warajh Sirjani oħra jispiċċaw ma jiddaħħlux. Kien hemm xi Għarab oħra ukoll ma ddaħħlux. Asjatiċi u Indjani ukoll jilmentaw li mhux jiddaħħlu. “Għaliex mhux idaħħluna? Jien qiegħed Malta legalment. X’għamilt ħażin biex ma nitħalliex nidħol?”, jiddikjara persuna Asjatika. 

Miegħu ikellimna Roan, Albaniż. Jgħidilna li kif regolarment jitħalla barra, u raġuni għal dan ma jintgħatax. Jgħidilna li ilu Malta għal dawn l-aħħar sentejn u qatt ma kiser difrejgħ mal-liġi. “Għandi is-suspetti tiegħi għaliex tiegħi ma nitħalliex nidħol mill-uffiċjali tas-sigurtà.  Hemm bżonn li dan ma jibqax iseħħ. Meta ma tiddaħħalx fi sftabbiliment għandha tingħata raġuni”.

“Tħossok aktar diżappuntat tara persuni oħra differenti minnek deħlin bla ebda xkiel fl-istabbiliment. Lilna, Għarab jew Afrikani jitolbuna karta ta’ identità u ġieli anke jitolbu għal kard speċifika ta’ dak il-Club partikolari. Jien dehrli li persuni oħra ma jintalbux juru ebda dokument ta’ identifikazzjoni. Rajthom jibqgħu deħlin. Din il-ħaġa tweġgħek”.

Kumpanija waħda tas-sigurtà tieħu ħsieb is-sigurtà tal-parti l-kbira tal-istabbilimenti f’Paceville

IT-TORĊA stħarrġet dwar is-sitwazzjoni preżenti.  Jirriżulta li s-sistemi ta’ sigurtà mal-parti l-kbira tal-istabbilimenti f’Paceville, huma mmexxija minn membri ta’ sigurtà ta’ kumpanija waħda. Għalkemm il-membri tas-sigurtà huma ġejjin minn pajjiżi diversi, xorta waħda qed ikun hemm persuni partikolari fosthom Għarab u Afrikani li għal xi raġuni mhux qed jitħallew jidħlu fl-istabbilimenti. Ħafna drabi ma tingħata ebda raġuni. Il-proċedura hi dik li tintalab l-karta tal-identità u minn hemm ikun deċiż, il-persuna konċernata titħalliex tidħol jew le.   Din is-sistema, spiss qed twassal biex persuni Għarab u Afrikani jibqgħu barra l-istabbilimenti, waqt li persuni oħra – minn nazzjonalitajiet oħrajn jidħlu bla problemi ta’ xejn.

Meta wieħed jitkellem ma’ sidien u anke ma’ uffiċjali tas-sigurtà dwar il-fatt li persuni ikunu inżammu milli jidħlu, ir-raġuni li tingħata hi dik li l-persuna konċernata tkun xi darba jew oħra qalgħet l-inkwiet.  Jirriżulta iżda li kien hemm persuni li ddikjaraw li qatt ma kisru difrejhom mal-liġi u dawn għal raġunijiet li għadhom mhux magħrufin u stabbiliti ġew imċaħħdin milli jidħlu fi stabbilimenti partikolari.

“Se ttina tort li ngħidu li hi diskriminazzjoni li ma daħħlunix?”

Sirjani li tkellmu ma’ IT-TORĊA iddikjaraw li “quddiem dak li nesperjenzaw, se ttina tort li ngħidu li din hi diskriminazzjoni li ma daħħluniex. Nifhmu li jista’ jkun hemm min kien qala’ l-inkwiet. Nifhmu ukoll li l-istabbilimenti iridu jipproteġu lil min imur fihom. Fil-każ tagħna, ma niddaħħlux sempliċiment hekk kif jaraw il-karta tal-identità u fuqha jaraw li aħna Sirjani.”

Tistaqsihom jekk qattx irrappurtaw dak li għaddew minnu. “Fejn se nirrappurtaw? Fuq kollox aħna li rridu mhux li niftħu proċeduri jew xi battalja kontra stabbiliment. Li rridu hu biss li bħal ħaddieħor, bħal persuni minn nazzjonijiet oħra, nitħallew nidħlu f’ċertu stabbilimenti. Kull ma jgħidulna hu biss li ma nistgħux nidħlu u xejn iżjed. Din xi trasparenza hi?”.

Ebda ‘politika’ mill-clubs dwar id-dħul fl-istabbiliment

Jirriżulta li kif inhi s-sitwazzjoni tal-clubs u stabbilimenti tad-divertimenti, kollox qed jiddependi mill-uffiċjali tas-sigurtà u l-istruzzjonijiet li jingħataw min se jiddaħħal fl-istabbiliment. Waqt li bħalissa, kull min ma jidħolx, mhux jingħata raġuni, l-uffiċjali tas-sigurtà meta titkellem magħhom jgħidulek li dawk li ma jiddaħħlux, ikun sar hemm minħabba sigurtà. Fi kliemhom, dawk li ma jiddaħħlux ikunu qalgħu l-inkwiet xi żmien qabel.

F’pajjiżna għandna sitwazzjoni fejn stabbilimenti lanqas għandhom politika ċara ta’ min jista’ jidħol u għaliex persuna ma tiddaħħalx f’dak l-istabbiliment partikolari.  Fuq kollox lanqas hawn strutturi f’pajjiżna li jistgħu jgħarblu dawn l-istess regolamenti u janalizzawhom.  

Filfatt f’pajjiżna għad hawn nuqqas kbir ta’ trasparenza u ċarezza fejn jirrigwarda r-regolamenti ta’ min għandu jidħol fi stabbiliment.  Il-fatt li ammont mhux żgħir ta’ nies, fosthom Għarab u Afrikani, iħossu li qed jiġu diskriminati li mhux jiddaħħlu fi stabbilimenti partikolari, juri li hemm bżonn bidla fuq il-politika u regolamenti. Fost dawn hemm bżonn trasparenza sħiħa.  

Diffikulta li qed isibu dawk li jitħallew barra hi dik ta’ fejn se jmorru jirrappurtaw jekk jitħallew barra?  Meta mistoqsijin jekk qattx irrappurtaw l-Għassa tal-Pulizija, waħda mill-persuni qaltilna li kont tkellimt ma’ Puliżija iżda qalli li huma ma jidlux fi kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni imma jaġixxu fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà.   Fuq kollox kif inhi s-sitwazzjoni tagħhom, jekk hemm xi tip ta’ diskriminazzjoni kontrihom jew deċiżjoni li mhix ġusta fil-konfront tagħhom, ftit li xejn jeżistu rimedji biex dik id-deċiżjoni tinbidel.  Fuq kollox huma dejjem jispiċċaw jiffaċċjaw l-istess persuni, l-uffiċjali tas-sigurtà. 

“Kif nistgħu xi qatt ningħataw raġun jew raġuni għaliex qegħdin nitħallew barra, jekk aħna dejjem niffaċċjaw l-istess nies, li huma l-uffiċjali tas-sigurtà, impjegati ma’ kumpanija waħda?”, kien il-kumment ta’ wieħed mis-Sirjani. Ikompli jgħidilna li “min se jara li jien għandi raġun. Naħdem hawn, inħallas it-taxxa, qatt ma kelli inkwiet. Iebsa li ħaddieħor jidħol fi stabbiliment u jien nibqa’ barra sempliċiment għax fuq il-Karta tal-Identità għandi miktub li mis-Sirja”.

Bżonn ta’ panel li jara li jkun hemm politika għad-dħul fin-nightclubs 

M’hemm ebda dubju li quddiem dawn l-ilmenti, li rajnihom iseħħu quddiem għajnejna, hemm bżonn bidliet drastiċi fejn tidħol l-industrija tad-divertiment.  Jinħass il-bżonn f’pajjiżna li hemm bżonn li jkun hemm xi tip ta’ struttura li din tara li l-istabbilimenti ikollha politika ċara u trasparenti ta’ min se jidħol fl-istabbiliment. Politika li tkun aċċessibbli u li wieħed jista’ jaraha faċilment u b’hekk jingħata r-raġuni ċara għaliex mhux jiddaħħal. Li tgħid lin-nies li “ma tistax tidħol” u tieqaf hemm, żgur li mhix aċċettabbli.

Struttura jew panel simili għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tas-sidien tal-klabbs u tal-bar, uffiċjali minn entitatjiet li jaħdmu kontra d-diskriminazzjoni jew dawk li jagħtu servizz ta’ appoġġ għall-vittmi, rappreżentanti tal-pulizija, u  taż-żgħażagħ li jiffrekwentaw dawk il-postijiet. Wieħed jistenna li panel simili ikollu fih rappreżentanti ta’ nazzjonijiet diversi.

Panel simili għandu żewġ jkollu żewġ funzjonjiet ewlenin fosthom dik li jagħmel  evalwazzjoni tal-politiki tal-bibien tas-sidien tal-klabbs u tal-bars. L-istess panel jiżviluppa lista ta’ kriterji għall-politika tal-bibien jew id-dħul fil-bars u nightclubs li ma tkunx diskriminatorja.

Is-sidien tal-klabbs li jridu jissieħbu huma mitluba jippreżentaw politika tal-bieb bil-miktub u jispeċifikaw ir-regoli tal-post tad-divertiment tagħhom. Il-panel jirrevedi r-regoli u jappoġġja lis-sidien tal-klabbs biex jagħmlu emendi. Jekk il-policy tal-bieb tiġi approvata mill-panel, il-klabb isir membru. L-intraprendituri parteċipanti huma meħtieġa juru l-hotline tal-ilmenti tal-panel fil-bieb tagħhom. 

Apparti dan il-panel ikollu ukoll il-funzjoni li janalizza l-ilmenti dwar iċ-ċaħda allegatament inġusta tad-dħul tal-viżitaturi

L-uffiċċju kontra d-diskriminazzjoni jieħu r-responsabbiltà li jistabbilixxi hotline u indirizz elettroniku għall-ilmenti.

Il-panel u l-membri tal-klabb jaqblu dwar l-għan li jintlaħaq ftehim qabel ma jmorru l-qorti. L-esperjenza turi li dan huwa fl-interess ta’ min ikun sofra diskriminazzjoni ukoll. Normalment huma ma jkunux iridu jiftħu kawża imma sempliċiment iridu jinstemgħu jew jidħlu fil-klabb id-darba li jmiss. Il-panel jorganizza laqgħa ta’ medjazzjoni, li tiġbor flimkien lil min ikun ilmenta is-sid tal-klabb u l-bieb rispettiv biex isibu soluzzjoni. L-esperjenza minn bliet oħra tindika biċ-ċar li ħafna mill-ilmenti jistgħu jiġu ttrattati b’mod informali permezz ta’ medjazzjoni. Huwa biss fil-każijiet rari li fihom min ilmenta jinsisti li jmur il-qorti li l-panel jgħaddi l-każ lil entità li tappoġġja lill-persuna biex tressaqha l-qorti.

Apparti dan kull meta s-sidien tal-klabbs jeħtieġu appoġġ fuq kwistjonijiet oħra bħal fit-trattament ta’ ċerti gruppi ta’ nies fid-diskoteka u madwar, huma jirċievu suġġerimenti u pariri mill-panel. 

Sport