B’rabta mal-każ fejn raġel ta’ nazzjonalità barranija allegatament tħalla fit-triq imweġġa’ wara li waqa’ f’sit ta’ kostruzzjoni fil-Mellieħa, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li jippretendi li min hu responsabbli ta’ dan l-aġir ibati l-konsegwenzi.
Filwaqt li awgura l-fejqan ta’ malajr lil dan ir-raġel, permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, il-Ministru Camilleri qal: “Kemm-il darba qlajt kritika għax xi drabi konna sodi żżejjed u xi drabi għax in-nies pretendew iżjed. Minkejja d-deċiżjonijiet li nieħdu, hemm linja li ma tinqabiżx – il-linja tad-dinjità tal-bniedem, hu min hu. L-ebda ħaddiem ma għandu jkun trattat b’dan il-mod u dan huwa suġġett li rridu nitkellmu u naħdmu fuqu aktar.”