10 passiġġieri ndarbu bi tlieta minnhom isofru ġrieħi serji huma u jippruvaw jaħarbu minn ferrovija li spiċċat maħkuma min-nirien fil-Majjistral ta’ Valencia fi Spanja.
In-nirien f’ Bejís komplew ikunu ta’ sfida kbir għall-pumpiera involuti fil-ħidma tant li diversi minnhom intlemħu f’filmat jiġru kontra l-ħin biex isalvaw ġildhom.
Il-passiġġieri kienu fuq vjaġġ minn Valencia lejn Zaragoza meta l-ferrovija spiċċat waqfet minħabba nirien qawwijin. Minkejja li x-xufier talabhom biex iżommu l-kalma u jibqgħu fil-ferrovija, uħud minnhom inħakmu minn paniku kbir.
Hu u jipprepara biex ireġġa’ b’lura bi 48 passiġġier abbord, uħud minnhom kissru t-twieqi f’tentattiv li jaħarbu n-nirien li komplew joqorbu lejn il-ferrovija.
Minn fost dawn kien hemm uħud li kellhom jingħataw kura minħabba ħruq li sofrew u kien hemm persuna minnhom li saħansitra kellha tittieħed fi sptar f’Valencia permezz ta’ ħelikopter. Skont rapporti fil-midja Spanjola, l-aktar żewġ persuni li sofrew ħruq ma’ ġisimhom kienu mara ta’ 58 sena u tfajla ta’ 15-il sena. Minn fost dawk li baqgħu fil-ferrovija ma kienx hemm persuni li sofrew ġrieħi.
Il-pumpiera jinsabu mbeżżgħin minħabba li daqs 6,000 ettaru ta’ art spiċċat imħarbta min-nirien. Nirien oħrajn, li bdew minn sajjetta fiż-żona magħrufa bħala Vall d’Ebo f’Valencia qerdet mal-11,500 ettaru ta’ art.
Dan is-sajf kkaratterizzat minn mewġiet kbar ta’ sħana wassal biex diversi partijiet mill-Ewropa tal-Punent raw foresti sħaħ jinċerdu min-nirien.
It-tibdil fil-klima kkaġunat mill-bniedem wassal għal mewġiet tas-sħana aktar frekwenti u aktar intensi. Hu stmat ukoll li d-dinja diġà saħnet b’madwar 1.1C minn meta bdiet l-era industrijali.
S’issa fi Spanja kienu rrappurtati mal-400 każ ta’ nirien li wasslu biex tħarbtu mal-275,836 ettaru ta’ art.