Wednesday, December 24, 2025

Nirriflettu qabel inmorru għar-riżoluzzjonijiet

Aqra wkoll

Is-sena 2026 se tibda kif bdiet dik li waslet fi tmiemha. Karatterizzata minn kunflitti. Ewlenin fost dawn il-kunflitti hemm dak tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna u l-kriżi fil-Lvant Nofsani. 

Dan flimkien ma’ kunflitti oħrajn fl-Afrika. Ma’ dan imma din is-sena li deħlin fiha se jkollha timbru ieħor. Dan hu dak marbut mar-razziżmu. Fenomenu li qiegħed ikompli jiżdied. Issa qegħdin naraw il-politiċi u saħanistra lill-President tal-Istati Uniti Donald Trump li jitkellem b’mod xejn sabiħ fuq persuni li ġejjin minn pajjiżi terzi. Dan biex ma nsemmux il-persekuzzjoni li għaddejja fl-Istati Uniti kontra ħaddiema barranin, li qegħdin jiġu arrestati fi spezzjonijiet bla ħniena.

It-tensjonijiet u l-gwerer li qegħdin jifnu d-dinja huma sitwazzjonijiet ta’ dieqa li l-bniedem iġibhom b’idejh stess. Il-gwerra fl-Ukrajna, it-tensjoni fil-Lvant Nofsani u konflitti oħra dallmu s-sena li se nagħlqu u se jkomplu jiswew il-ħajjiet fis-sena l-ġdida li deħlin fiha. L-istess firda iżda, fuq skala iżgħar u individwali, hija bejn bniedem u ieħor li jiddistingwi u jiddiskriminizza bniedem ieħor bħalu. 

Dan kollu għax huwa ta’ nazzjon differenti, ta’ twemmin reliġjuż jew politiku differenti, ta’ kulur tal-ġilda differenti, ta’ orjentazzjoni sessswali differenti, ta’ statut differenti… Il-lista ma tispiċċa qatt. Din hija tassew ħasra u hawn nemmnu li aktar milli għall-Ewwel tas-Sena nibdew bir-reżoluzzjonijiet, ikun aħjar jekk qabel inpoġġu ftit u nirriflettu. Nirriflettu jekk hiex din id-dinja li rridu ngħixu fiha u jekk hiex din id-dinja li rridu nħallu lil uliedna.

Hemm bżonn ta’ riflessjoni għall-mexxejja li għandhom il-poter. Din ir-riflesssjoni hija urġenti aktar minn qatt qabel. Dan hekk kif it-theddid li l-gwerer jinfirxu  saret ir-retorika ferm perikoluża. Nafu kemm il-gwerer u kunflitti mdemmija swew u qegħdin jiswew eluf ta’ ħajjiet innoċenti. Dan huwa l-prezz qares tal-gwerer. Tifkrik u mwiet. Fi gwerra ħadd ma joħroġ rebbieħ. Fi gwerra hemm biss telliefa. Allura, x’għandna bżonnhom?

Hemm bżonn ukoll ta’ riflessjoni minn kull wieħed u waħda minnha. Dan għax filwaqt li kull persuna b’azzjoni tajba tista’ ttella’ bniedem fis-sema, b’azzjoni ħażina tista’ tniżżlu l-infern. Il-problemi ta’ firda li jeżistu jinħolqu min-nies. Hija ħasra li nintilfu fil-ġlied, fid-distinzjonijiet u fid-diskriminazzjonijiet meta fl-aħħar mill-aħħar aħna kollha l-istess. Bnedmin tad-demm u l-laħam bl-emozzjonijiet.

Għaldaqstant, qabel ma nibdew infajru r-reżoluzzjonijiet, ħafna drabi frivoli u li ma jinżammux, ikun aħjar jekk f’dawn il-ġranet niddedikaw il-ħin biex nirriflettu fuq dak li għamilna din is-sena. Nikkontemplaw kif irridu li tkun għalina, għal ta’ madwarna u għall-bqija tad-dinja, is-sena ġdida 2026. Qabel inħarsu ‘l quddiem, tajjeb li nħarsu lura ħalli jkollna ċ-ċans naraw fejn inqasna jew żbaljana u nitgħallmu mill-iżbalji.

Immaġinaw sena ġdida fejn il-mexxejja jipprijoritizzaw il-paċi fuq il-poter, il-kollaborazzjoni fuq il-kompetizzjoni u s-sostenibbiltà fuq il-gwadann. Immaġinaw ukoll komunitajiet magħquda li jirnexxu mhux għall-privileġġ iżda għall-ġustizzja. Immaġinaw finalment, soċjetajiet u familji li flok firda fosthom ikun hemm għaqda u rispett reċiproku. 

Biex nilħqu dan hemm bżonn ta’ impenn serju. Soluzzjonijiet kollettivi mhux influwenzati minn dawk li interessati biex iħaxxnu buthom mill-gwerer. Li rridu hu politiċi u gvernijiet li jiġbdu ħabel wieħed. Dan biex niksbu l-paċi u r-rispett lejn xulxin. Il-gvernijiet u ċ-ċittadini bl-istess mod għandhom jaħsbu mill-ġdid ir-rwoli tagħhom u jġeddu d-dedikazzjoni tagħhom għall-progress. Ir-rispett veru bejn iċ-ċittadini u l-mexxejja tagħhom ma jinsabx fil-lealtà għamja iżda f’ħidma kollettiva bl-istess għan. Li jsir dak li huwa ġenwinament fl-aħjar interess tan-nazzjon u sussegwentement tad-dinja li lkoll ngħixu fiha.

Fir-riżoluzzjonijiet tagħna għas-sena l-ġdida għandna mmorru lil hinn mill-gwadann personali u mir-raġunar egoistiku tal-ewwel jien, it-tieni jien u t-tielet jien jew għax ‘jien minni biss jimpurtani’. Bħala individwi, hemm bżonn li nimpenjaw ruħna biex kulma nagħmlu, nagħmluh b’intenzjonijiet tajbin, b’empatija lejn il-proxxmu u ħidma ġenwina ħalli ngħinu lil kull min huwa fil-bżonn u lil xulxin. 

Bħala nazzjonijiet, għandna mmorru għall-paċi, għall-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali. Ejjew nonoraw is-sagrifiċċji ta’ missirijietna u dawk li emmnu u ħadmu għal dinja aħjar. 

Kull sena ġdida toffri oppportunità biex nibnu mill-ġdid u biex intejbu mill-passat. Is-sena 2026 għandha tkun waħda ta’ tama ġdida. Għandna nżommu f’moħħna li futur aħjar mhuwiex biss għalina imma huwa wkoll il-pedament li se nfasslu għal dawk li jiġu warajna. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport