Friday, November 15, 2024

NIRRIKONOXXU L-KONTRIBUT TAL-ANZJANI

Aqra wkoll

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar il-popolazzjoni madwar id-dinja se tkompli tixjieħ. Fil-fatt, ċifri juru li persuna minn kull disa’ fid-dinja diġà għandha 60 sena jew aktar, u din mistennija titla’ għal persuna minn kull ħamsa sas-sena 2050. B’dan f’moħħna, ix-xjuħija, jew inkella l-anzjanità, hi fenomenu li m’għandux ikun injorat, u Malta mhijiex eċċezzjoni. 

F’sitwazzjoni bħal din pajjiżna x’qed jagħmel biex jindirizza din l-isfida demografika? Qabel xejn nemmnu li l-anzjanità rridu narawha minn lenti pożittiva, u nirrikonoxxu l-kontribut li dawn il-persuni diġà taw biex id-dinja setgħet tkun aħjar milli kienet qabel. M’għandniex narawhom li huma ta’ piż fuq is-sistema tas-servizzi soċjali, imma bħala għajn ta’ esperjenza li minnu jistgħu jibbenefikaw il-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni.

Għalhekk ta’ min ifaħħar l-impenn tal-Gvern u għaqdiet oħra li qed jinkoraġixxu l-anzjanità attiva. Dan għaliex persuni anzjani għad għandhom x’jagħtu lis-soċjetà inġenerali. Għalhekk il-Gvern introduċi diversi miżuri sabiex jinkoraġġixxi persuni akbar fl-età jibqgħu attivi fid-dinja tax-xogħol. 

Apparti minn hekk, infetħu diversi ċentri ta’ matul il-jum fejn l-anzjani jkunu jistgħu jiltaqgħu u anke jsegwu xi korsijiet ta’ taħriġ f’suġġetti interessanti, żdiedet l-għotja tal-carer at home, fost servizzi oħra biex jgħinu lill-anzjani jkomplu b’ħajjithom fl-ambjent li kibru fih.

Anke mill-aspett edukattiv snin ilu kienet introdotta l-Università tat-Tielet Età, dan sabiex fost oħrajn l-anzjani jibqgħu attivi mentalment apparti li jkunu aktar aġġornati ma’ dak kollu li jkun għaddej sew f’pajjiż u anke ‘l bogħod minn xtutna.

Dan kollu hu parti mix-xogħol li qed isir mill-Gvern fejn tidħol l-istrateġija nazzjonali għall-anzjanità attiva. Strateġija li permezz tagħha, il-Gvern mar kontra l-istatus quo billi nqata’ mill-pożizzjoni tradizzjonali li torbot it-tielet parti tal-ħajja ma’ instabbiltà fiżika u mentali, u minflok għażel li jistinka biex ikun hawn ċelebrazzjoni tal-ġenerazzjonijiet akbar bħala riżors imprezzabbli u produttiv li ma jkunx imxekkel minn ideat u metodi skaduti. 

Hawn ta’ min ifaħħar l-inizjattiva li ttieħdet ftit tal-jiem ilu illi jingħata rikonoxximent lil dawk li jibqgħu attivi kemm fid-dinja tax-xogħol u anke bil-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet soċjali. B’anzjanità attiva għandna nifhmu illi din m’għandhiex tkun għall-irġiel biss, imma għandhom wkoll tinvolvi lin-nisa li fl-aħħar snin ta’ ħajjithom iħossuhom utli u mhux abbandunati kif kien jiġri sa ftit snin ilu. 

Barra minn hekk, l-anzjani qed jingħataw aktar dinjità bil-faċilitajiet dejjem jitjiebu f’dawk li huma djar residenzjali għall-anzjani mhux l-inqas iċ-ċentri li qed jinfetħu fil-komunità fejn l-anzjani jkunu twieldu, trabbew u għexu. 

Ekonomija

Sport