Minn Cristian Muscat
Is-Sibt, it-tim nazzjonali tan-nisa jilgħab it-tieni partita minn grupp 2 tal-Logħob ta’ Kwalifikazzjoni għat-tazza tad-dinja 2027 meta fis-Centenary Stadium jospita lill-Isvizzera.
It-tim ta’ Manuela Tesse ġej minn telfa xi ftit iebsa ta’ 3-0 kontra t-Turkija f’logħba li mmaturat l-iktar fl-ewwel nofs siegħa hekk kif l-avversarji tagħna attakkawna bla ħniena u fejn skorjaw żewġ gowls.
Fit-tieni taqsima, in-nisa Maltin kellhom wirja aħjar fejn anke mentalment ħarġu ferm tajbin u anke kien hemm xi okkażjonijiet iżolati. Minkejja kollox, it-Torok issiġġillaw ir-rebħa b’gowl ieħor fit-88 minuta sabiex b’hekk ħadu t-tliet punti minn dan il-konfront.
Fil-kummenti ta’ wara l-logħba, Manuela Tesse qalet li fl-ewwel taqsima l-plejers tagħha kellhom xi ftit biża’ u ma kinux qed jissieltu għall-ballun kif normalment jagħmlu. Dan il-blokk mentali għen sabiex it-Torok bdew jisirqu l-ballun u jagħmlu ċerta ħsara lid-difiża tagħna.
Issa li l-logħba kontra t-Turkija hi arkivjata, għajnejn Tesse u l-plejers Maltin tmur għal-logħba kontra l-Iżvizzera, tim ieħor ferm iebes minn dan il-grupp.
L-Iżvizzera għadhom ġejjin minn rebħa tajba ta’ 2-0 kontra l-Irlanda ta’ Fuq fil-logħba li ntlagħbet f’Lausanne. Huma fetħu l-iskor fit-22 minuta permezz ta’ Riola Xhemailli sabiex minuta fuq il-ħin regolamentari tal-logħba Svenja Julia Folmli issiġġillat ir-rebħa u t-tliet punti finali.
It-tim nazzjonali tan-nisa tal-Iżvizzera, magħruf bħala La Nati u Rossocrociati (Red Crosses), bħalissa jinsab fil-25 post fil-klassifika tal-FIFA (Diċembru 2025). Il-kowċ attwali hu Rafel Navarro, kowċ Spanjol li beda l-karriera tiegħu fl-2014 ma’ Gandesa, qabel ma serva bħala assistent ma’ Reus B fl-2017. Qabel l-istaġun 2019–20 ingħaqad ma’ Barcelona bħala assistent, esperjenza li kompliet issaħħaħ ir-reputazzjoni tiegħu. Il-captain tat-tim hi Lia Wälti, filwaqt li Ana-Maria Crnogorčević iżżomm ir-rekord tal-aktar logħob (177) u l-aktar gowls (74). Taħt it-tmexxija ta’ Navarro, l-Iżvizzera qed tkompli tibni tim kompetittiv fuq livell Ewropew u internazzjonali. L-iktar plejer magħrufa hi Alishia Lehmann li għandha 27 sena u li bħalissa tinsab fuq il-kotba ta’ Leicester City fl-Ingilterra wara esperjenzi ma’ West Ham United, Aston Villa, Juventus u Como.
Sadanittant Manuela Tesse għadha ma tistax tinkludi lil Rebecca Bajada u Veronique Mifsud li jinsabu mweġġgħin.
Il-logħba se tintlagħab fis-Centenary Stadium f’Ta’ Qali u tibda fis-7pm.



