Wednesday, July 23, 2025

“Nisa tqal, anzjani, tfal u dawk b’mard kroniku bl-aktar riskju f’temperaturi għoljin”

– Dr Paula Vassallo

Aqra wkoll

Il-messaġġi ta’ prevenzjoni u edukazzjoni kontinwa fejn tidħol is-saħħa pubblika, huma parti importanti mix-xogħol tad-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, li għandu l-missjoni li jieħu ħsieb is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi. Hekk stqarret ma’ dan il-ġurnal Dr Paula Vassallo, Direttur ta’ dan l-istess direttorat.

Dr Paula Vassallo, mhux biss bħala Direttur, iżda wkoll bħala professjonista fil-qasam tas-saħħa flimkien mat-tim kollhu, ilha snin twassal messaġġi ta’ prevenzjoni fuq firxa wiesa’ ta’ suġġetti relatati mas-saħħa pubblika.

B’esperjenza estensiva kemm f’Malta kif ukoll fil-livell Ewropew, Dr Vassallo tokkupa rwoli fit-tfassil ta’ politika u kampanji li għandhom impatt dirett fuq il-ħajja tan-nies, b’mod partikolari fuq il-gruppi vulnerabbli. L-aħħar sfida li qed naffaċċjaw kollha kemm aħna hija waħda globali iżda b’konsegwenzi serji anke b’mod lokali: it-tibdil fil-klima u l-effetti tiegħu fuq is-saħħa, speċjalment waqt mewġ ta’ sħana qawwija li mistennija tagħmel matul din il-ġimgħa.

Dan il-ġurnal tkellem ma’ Dr Vassallo fejn bla dubju li saħqet ferm fuq in-nies vulnerabbli u li jridu joqogħdu b’seba’ għajnejn speċjalment b’din il-mewġa ta’ sħana li laqtet il-gżejjer Maltin din il-ġimgħa.

Fi kliem Dr Vassallo, is-sħana qawwija mhijiex biss kwistjoni ta’ inkonvenjenza iżda problema serja ta’ saħħa pubblika. “Anzjani, persuni li qed jistennew tarbija, tfal żgħar, u persuni b’mard kroniku huma fost l-aktar gruppi f’riskju meta t-temperatura titla’ b’mod drastiku,” tispjega b’sens ta’ urġenza. “B’mod partikolari, adulti li għandhom aktar minn 65 sena, individwi b’piż żejjed, u dawk li jieħdu mediċini bħal ċertu pilloli għall-pressjoni jew ċertu mediċini psikjatriċi huma partikolarment vulnerabbli għall-effetti ta’ sħana eċċessiva.”

F’mumenti bħal dawn, is-solidarjetà komunitarja ssir kruċjali. Dr Vassallo tħeġġeġ lill-familjari u l-ġirien biex iżommu għajnejhom fuq persuni vulnerabbli, speċjalment waqt il-ħinijiet kritiċi bejn il-ħdax ta’ filgħodu u l-erbgħa ta’ waranofsinhar. “Jekk nindunaw li xi ħadd mhux qed iħossu tajjeb, konfuż, mitluf minn sensih. importanti nċemplu l-emerġenza nressqu lill-persuna lejn post frisk u delli.

Effett estrem tas-sħana hu dak magħruf bl-Ingliż bħala heat stroke, li jista’ jwassal għall-mewt jekk ma jiġix trattat malajr. Dr Vassallo tfisser: “Il-persuna tibda tħoss konfużjoni, ikollha temperatura għolja ħafna – 104°F /40 C jew aktar – u ġeneralment ma tkunx f’siktha.”

Dan huwa sinjal ċar ta’ emerġenza medika li jeħtieġ attenzjoni immedjata.

Iżda x’nistgħu nagħmlu biex nipprevjenu? Il-prevenzjoni tibda b’għarfien u għażliet intelliġenti. Dr Vassallo tagħti lista ta’ rakkomandazzjonijiet:

In-nies għandhom jixorbu ilma biżżejjed, anke jekk ma jħossux għatx, speċjalment l-anzjani. Għandhom inaqqsuużu żejjed tal-forn li jsaħħan id-dar aktar, jilbsu ħwejjeġ ħfief u cari , jużaw kpiepel u nuċċalijiet tax-xemx u jindilku bis-sunscreen. Ovvjament m’hemmx għalfejn ngħid, huma għandhom jevitaw il-ħruġ barra bejn l-11am u l-4pm, u jagħmlu l-attività fiżika kmieni filgħodu jew tard filgħaxija.”

“Id-dar għandha tinżamm friska: b’postijiet miftuħa għall-ventilazzjoni, bl-użu ta’ arja kundizzjonata fejn possibbli.”

Fir-rigward tal-ikel, Dr Vassallo tisħaq li għandhom jiġu kkunsmati ikel b’kontenut għoli ta’ ilma bħad-dulliegħ u l-ħjar, flimkien ma’ ħafna frott u ħaxix frisk. Għandhom jiġu evitati xorb bħal kafè u alkoħol li jfixklu dik li tissejjaħ idratazzjoni.

Rapport riċenti ppubblikat fil-ġurnal mediku The Lancet ġibed l-attenzjoni għall-gravità tas-sitwazzjoni f’Malta. Skont l-istudju, jekk it-temperatura tiżdied b’tliet gradi Celsius oħra, pajjiżna se jkun l-iktar affettwat minn żieda fl-imwiet relatati mas-sħana fl-Ewropa, b’95 mewta addizzjonali fis-sena għal kull 100,000 persuna, sitt darbiet aktar mill-medja Ewropea.

L-istudju analizza 854 belt madwar l-Ewropa u sab li bejn l-1991 u l-2020, f’Malta kienu diġà reġistrati medja ta’ 78 mewta fis-sena relatati mas-sħana. Dan l-andament huwa mistennija jkompli jiggrava sal-2100 jekk ma jittieħdux miżuri serji ta’ mitigazzjoni u adattament.

Il-kliem ta’ Dr Vassallo jittrasmetti sens qawwi ta’ responsabbiltà u ħidma fuq diversi livelli. Il-promozzjoni tas-saħħa mhijiex biss tagħti informazzjoni, imma hi att ta’ protezzjoni soċjali. Infatti, il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva attwa plan komprensiv tat-tħejjija kontra l-effetti tas-sħana flimkien mal-entitajiet konċernati fi ħdan il-Ministeru. “Ma nistgħux nibqgħu nistennew li l-affarijiet jitjiebu waħedhom. Irridu nkunu proattivi kemm bħala individwi kif ukoll bħala nazzjon,” tgħidilna b’ċertu determinazzjoni.

Il-kampanji pubbliċi taħt id-direzzjoni tagħha jinkludu messaġġi ċari fuq il-mezzi soċjali, pubblikazzjonijiet stampati, parteċipazzjoni fuq programmi televiżivi u tar-radju, kollaborazzjoni m’entitajiet lokali u edukazzjoni kontinwa fi ħdan l-iskejjel, komunitajiet u postijiet tax-xogħol. L-għan hu wieħed: li jitnaqqsu r-riskji u tissaħħaħ is-saħħa preventiva f’Malta.

Dr Paula Vassallo tissimbolizza t-tmexxija professjonali u umana li tħaddan kemm ix-xjenza kif ukoll il-kompassjoni. Fi żmien fejn is-sistemi tas-saħħa qed jiġu ttestjati minn kriżijiet klimatiċi u pandemiji, il-messaġġ tagħha huwa ċar: “Is-saħħa pubblika tibda b’għażliet għaqlin minn kull wieħed u waħda minna, u bl-għajnuna ta’ xulxin nistgħu nsalvaw il-ħajjiet.”

Dr Paula Vassallo ttemm din l-intervista b’messaġġ sabiex nieħdu ħsieb xulxin u bħala persuni maturi nisimgħu mill-appelli li joħroġ id-direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard sabiex saħħet il-poplu Malti u Għawdxi kif ukoll dawk in-nies li jgħixu hawn dejjem tkun l-aqwa possibbli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport