Sunday, April 12, 2026

Nisa U/19: Tasal it-tieni telfa kbira konsekuttiva għall-Maltin

Aqra wkoll

Bulgarija…….6

Malta………….0

Wara t-telfa diżappuntanti ta’ 7-0 kontra l-Iżrael, it-tim tan-Nisa ta’ Malta U19 sofra t-tieni telfa kbira konsekuttiva meta din id-darba ġew megħluba mill-Bulgarija bl-iskor ta’ 6-0, u b’hekk il-Maltin sofrew mhux inqas minn 13-il gowl f’żewġ logħbiet u ma skorjaw l-ebda gowl.

Il-Bulgarija għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mill-bidu tal-partita u fetħu l-iskor fil-11-il minuta meta wara li rċeviet minn kross invitanti, Mariela Petrova kienet fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u mill-viċin kellha l-daqqa ta’ ras sabiħa tagħha tispiċċa fix-xibka.

Huma komplew fuq l-offensiva u man-nofsiegħa logħob Raya Boneva minn taħt il-lasta tefgħet ġewwa iżda r-referee Torka Gamza Durmus iġġudikat li din kienet wettqet foul fl-azzjoni li wasslet għal dan il-goal, u għalhekk il-gowl ġie mħassar.

Il-Bulgarija komplew jiddominaw u żewġ minuti biss wara, l-iskorer tal-ewwel gowl Mariela Petrova kellha x-xutt baxx tagħha mill-viċin li spiċċa fix-xibka, iżda r-referee Durmus iddeċiediet li hi kienet f’pożizzjoni ta’ offside, u għalhekk il-gowl reġa’ ġie mħassar.

Iżda huma ma kellhomx jiġu mċaħħda fid-39 minuta meta wara li rċeviet minn cross invitanti, Katerina-Maria Ravnachka kellha x-xutt tagħha minn pożizzjoni ċentrali li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper Maltija Maya Muscat, sabiex irduppjat l-iskor għall-viżitaturi.

Il-Bulgarija rebħu penalty fit-52 minuta meta xutt sabiħ mill-viċin ta’ Mariela Petrova ġie salvat parzjalment minn Muscat, u mir-rebound, ix-xutt ta’ Ravnachka ġie mwaqqaf minn plejer Maltija b’idejha. L-istess Katerina-Maria Ravnachka ħadet ir-responsabbiltà mill-penalty spot u ma ħafritx meta b’xutt baxx, tefgħet lil Muscat fid-direzzjoni opposta, u b’hekk irreġistrat żewġ gowls.

Huma skorjaw ir-raba’ gowl fis-70 minuta meta Monika Baliova sparat xutt fil-baxx minn pożizzjoni ideali li ma ħafirx.

Il-Bulgarija skorjaw il-ħames goal seba’ minuti wara meta Mariela Petrova sparat xutt b’saħħtu mid-distanza li ma ta l-ebda ċans lil Muscat, u għalhekk bħal m’għamelt Ravnachka, irreġistraw doppjetta personali.

Huma tilfu ċans tad-deheb li jiskorjaw is-sitt gowl fit-84 minuta meta Petrova kienet għoddha rreġistrat hat-trick personali, meta b’xutt fil-baxx minn taħt il-lasta rat lil Muscat issalva b’mod brillanti minn mal-art, biex salvat lit-tim tagħha.

Iżda huma ma kellhomx jiġu mċaħħda tliet minuti wara sabiex issiġillaw ir-rebħa meta s-sostituta Gergana Halyanova kellha xutt mill-viċin li spiċċa fix-xibka.

Il-Bulgarija komplew jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita.

Bulgarija: 1-Ognyana Burgodzhieva, 2-Elena Kamenova, 3-Yordanka Parnarova, 7-Monika Baliova, 9-Mariela Petrova, 10-Raya Boneva (8-Silyana Mihaleva 46), 11-Katerina-Maria Ravnachka (18-Michelle-Michelle Muddimanova 77), 18-Michelle Muddimanova Halyanova 60), 14-Andrea Boyadzhieva, 19-Dalia Videnova (15-Nikol Mitsskovska 71), 20-Hristina Milcheva (6-Vesela Kalinova 46) Kowċ: Angel Slavov

Malta: 12-Maya Muscat, 4-Amber Galea, 5-Francesca Bartolo, 6-Eam Micallef, 7-Lisa Calleja, 8-Caitlyn Elziabat Trner, 9-Suzanne Farrugia, 11-Thais Muscat (2-Nilayza Attard 60), 17-Lara May Azzopardi, 19-Stella Francalanza (21-Somaya Farrugia 83), 20-Jasmine Camilleri (Shana Farrugia 60) Kowċ: Melania Bajada

Refeee: Gamze Durmus (Turkija)

Ass. Referees: Esra Arikboga, Martina Ukropova (Turkija)

Raba’ Uffiċjal: Petra Vajdeckova (Turkija)

Skorers: M. Petrova 11, 77, K. M. Ravnachka 39, pen. 53, M. Baliova 70, G. Halyanova 87 (B)

Ammoniti: S. Farrugia Sacco 85 (M)

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport