Studji li saru dwar l-effetti tat-tibdil fil-klima sabu li n-nisa u tfal, aktar mill-irġiel, ibatu mill-ansjetà kkaġunata minn dan it-tibdil klimatiku. Iż-żieda tan-nirien, l-għargħar u n-nixfiet madwar id-dinja huma biss ftit mis-sinjali viżibbli ħafna tat-tibdil fil-klima.
L-ansjetà klimatika, definita bħala sentimenti ta’ dwejjaq dwar l-impatti tat-tibdil fil-klima ġiet irrappurtata globalment, partikolarment fost it-tfal u ż-żgħażagħ.
Dejta miġbura minn Google Trends turi li t-tiftix relatat ma’ ansjetà klimatika żdied b’mod drammatiku. Fil-fatt, tiftix fuq l-internet dwar “ansjetà klimatika” fl-ewwel 10 xhur tal-2023 huwa 27 darba ogħla milli kien fl-istess perjodu fl-2017.
L-eko-ansjetà hija ansjetà aktar ġenerali assoċjata mal-għarfien tat-theddid għas-saħħa ambjentali, inkluż it-tniġġis u t-telf tal-bijodiversità. Il-pajjiżi Nordiċi kienu l-iktar globalment li fittxew tagħrif relatat mal-ansjetà klimatika matul l-aħħar ħames snin. Fil-fatt, il-Finlandja, l-Isvezja, id-Danimarka u n-Norveġja ammontaw għal aktar minn 40% ta’ dawk li għamlu tidtix elettroniku relatat ma’ ansjetà klimatika.
Li studji li saru ma ndikawx is-sess tan-nies li qed ifittxu tagħrif iżda indika li n-nisa huma predisposti għall-ansjetà klimatika mill-irġiel. Sejbiet minn studju tal-2023 ippubblikat fil-ġurnal akkademiku Sustainability, pereżempju, wera li nisa madwar id-dinja rrappurtaw “livelli akbar ta’ tħassib u emozzjonijiet negattivi” dwar it-tibdil fil-klima.
L-istudju kien ibbażat fuq stħarriġ onlajn ta’ 10,000 persuna ta’ bejn is-16 u l-25 sena f’10 pajjiżi li sar fl-2021. Analiżi ta’ aktar minn 44,000 li wieġbu għall-Istħarriġ Soċjali Ewropew fl-2019 kkonkluda wkoll li n-nisa rreġistraw tħassib akbar dwar it-tibdil fil-klima mill-irġiel.
Il-Professur Susan Clayton, ko-awtur tal-istudju dwar is-Sostenibbiltà, tgħid li raġuni waħda li n-nisa b’mod konsistenti jirrappurtaw livelli ogħla ta’ tħassib hija li huma aktar miftuħa biex jiddiskutu l-emozzjonijiet.
In-nisa huma ġeneralment aktar lesti, u jistgħu jkunu kapaċi jirrikonoxxu r-rispons emozzjonali tagħhom stess għall-bidla fil-klima. Għalhekk jidhru li huma aktar lesti li jitkellmu dwar l-emozzjoiinijiet tagħhom, meta mqabbla mal-irġiel b’mod ġenerali.
Il-Professur Clayton iżżid tgħid li xi nisa jistgħu jinkwetaw aktar dwar it-tibdil fil-klima minħabba li huma f’riskju akbar mill-irġiel li jesperjenzaw xi wħud mill-impatti fil-ħajja reali.
Wara avveniment ta’ temp estrem, aktarx li ikun hemm livelli akbar ta’ vjolenza domestika u ta’ nies spostati involontarjament. Dan jista jesponi lin-nisa għat-theddida ta’ vjolenza sesswali jew traffikar.
Ħafna drabi n-nisa huma fiżjoloġikament vulnerabbli għat-tibdil fil-klima. Allura t-temperaturi għoljin u t-tniġġis tal-arja jista jkollhom impatt ħażin waqt it-tqala u l-modi kif it-tqala taffettwa l-ġisem tal-mara jistgħu jagħmluha aktar diffiċli għaliha li tevita kundizzjonijiet klimatiċi estremi.
Hemm ukoll riċerka li tissuġġerixxi li n-nisa huma aktar probabbli mill-irġiel li jmutu f’diżastri relatati mat-tibdil fil-klima. Il-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima (COP28) li se ssir bejn it-30 ta’ Nomvembru u t-12 ta’ Diċembru ta’ din is-sena f’Dubaj se jkollha wkoll diversi diskussjonijiet dwar is-saħħa mentali.
Hekk kif l-impatti fiżiċi tat-tibdil fil-klima qed jiżdiedu, hekk ukoll qed tingħata l-attenzjoni lill-impatti tagħha fuq il-moħħ tal-bniedem.