Minn Critian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Bdejt inħobb il-futbol ta’ etá żgħira minħabba ħuti li huma erba’ snin ikbar minni, u apparti li kont narahom dejjem jilagħbu l-futbol, kienu wkoll ipoġġuni goalkeeper biex jipprattikaw, jew ħewwa d-dar stess, inkella ġewwa l-bandli jew il-grawnd tax-Xgħajra li dak iż-żmien kien ikun miftuħ għall-pubbliku.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala Kowċ ta’ Mġarr United FC?
Inkun qed nigdeb jekk ngħid li kont qed nittama jew niprospetta li nkun kowċ tat-tim. Kemm minħabba etá u esperjenza u anke minħabba li kont qed nieħu pjaċir naħdem mal-Kowċ Shaun Bajada. Peró, il-president flimkien mal-kumitat irnexxielhom jikkonvinċuni naccetta dan ir-rwol sal-aħħar tal-istaġun. Nispera li dik il-fiduċja insarrafha f’xogħol siewi li nilħaq il-miri tal-klabb.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?
Dan l-istaġun sa issa kien wieħed ikkaratterizzat minn ċerta inkonsistenza kemm ta’ riżultati u anke prestazzjonijiet. Peró, nemmen li għandna tim b’saħħtu u fost l-aqwa plejers tal-kampjonat f’kull pożizzjoni, li kapaċi jwassluna għall-objettivi tagħna.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
Dan l-istaġun nixtiequ li nerġgħu niġu mal-ewwel tmienja u potenzjalment intejbu fuq l-istaġun li għadda. Peró, hemm bilanċ kbir fil-kampjonat u l-importanti huwa dejjem li ssalva postok fid-diviżjoni kemm jista’ jkun malajr.
Xtaqt nirrimarka b’mod partikolari l-aħħar żewġ logħbiet li kellkom kontra Qala Saints u Swieqi United. X’tikkummenta fuq dawn il-logħbiet?
Kienu żewġ logħbiet diffiċli li waslu wara numru ta’ riżultati li ma kinux dawk mixtieqa u wara l-waqfa tal-Milied. Qala Saints huwa team fiżiku ħafna u rnexxielna nagħmlu logħba tajba fil-Gozo Stadium, fuq wiċċ naturali li m’aħniex imdorrijin nilagħbu fuqu.
Kuntent ħafna li ma qlajnjex gowl ukoll. Ġimgħa wara lgħabna ma’ Swieqi United, tim mimli bi plejers b’abbiltajiet tekniċi ta’ ċertu livell, u l-plejers reġgħu għamlu prestazzjoni organizzata ta’ dixxiplina tattika kbira. Nemmen li meritatament waslu tliet punti importanti li jagħtuna għajnuna kbira għall-kunfidenza tagħna.
Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?
Nemmen li hawn talent peró l-istrutturi ta’ kif qed naħdmu biex niżviluppaw il-plejers għandhom numru ta’ problemi li jridu jiġu indirizzati.
L-ewwelnett, m’hawnx kurrikulu nazzjonali biex in-nurseries u l-kowċis Maltin ikollhom linjii gwida ta’ kif għandhom jgħallmu u jiżviluppaw il-plejers. Għandna 60 nursery u kulħadd jaħdem b’mod differenti. Huwa fatt ukoll li fil-grassroots mhux kull kowċ għandu l-kwalitá jew l-esperjenza neċessarja, allura iktar għandhom bżonn għajnuna biex ikunu jistgħu jagħmlu xogħol tajjeb.
Indur ħafna grawnds u sfortunatament ftit nara kowċis jaħdmu fuq teknika individwali. Hawn fissazzjoni fuq tattika kollettiva u kif intellgħu l-ballun minn wara u kif nippressaw, imma ftit niffukaw fuq l-indvidwali bħal kif iżżomm ballun, kif tqassam ballun, kif tixxuttja, kif taqbeż plejer, kif tiġri bil-ballun, kif tiddefendi 1v1, kif tiddefendi ‘wall-pass’, u affarijiet bażiċi bħal dawn.
Inżid ma’ dan kollu, il-fatt li ħafna mill-aqwa plejers tagħna qegħdin jipprattikkaw il-football f’żewġ jew tliet strutturi differenti. Dawn huma, mal-klabb tagħhom, mal-Hubs tal-MFA, u uħud minnhom jattendu skola tal-isport ukoll. Biex ma nsemmix li hawn min anke jattendi skejjel privati. Dawn huma kollha strutturi li jaħdmu b’mod differenti, b’kowċis differenti u lill-plejers qed jagħtuhom ħafna informazzjoni li jaf ma taqbilx ma’ ta’ xulxin. Għalhekk, hemm bżonn iktar ko-ordinazzjoni bejniethom.
Punt iehor huwa x-xjenza sportiva, li huwa suġġett fejn għadna 30 sena lura bħala pajjiż. Din bilkemm tezisti fil-futbol tal-kbar hawn Malta, aħseb u ara fil-grassroots.
L-aħħar punt li nixtieq insemmi u diffiċli wieħed jindirizza huwa fuq id-deċiżjonijiet li jieħdu ż-żgħażagħ jew li jieħdu għalihom il-ġenituri. Nara ħafna plejers li jippruvaw jgħaġġlu l-iżvilupp tagħhom u jieħdu deċiżjonijiet ħziena. L-iżvilupp ta’ player mhux ta’ kulhadd huwa l-istess u mhux xi ħaġa lineari. Wieħed għandu jkun paċenzjuż u jistenna sakemm jasal il-mument tiegħu. L-importanti li jaħdem f’ambjenti tajbin u ma’ kowċis ta’ kwalitá.
Nemmen li hawn talent peró l-istrutturi ta’ kif qed naħdmu biex niżviluppaw il-plejers għandhom numru ta’ problemi li jridu jiġu indirizzati.
U dak tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Naturalment, inbidel ħafna, mhux lokalment biss. Il-futbol sar ħafna iktar tattiku u fiżiku, inkluż ġo pajjiżna, peró, dan ma jfissirx li għandna ninsew il-lat tekniku tal-logħba, speċjalment fil-futbol taż-żgħażagħ.
Hawn Malta inbidel ukoll għall-fatt li żdiedet il-kompetizzjoni ma’ plejers u kowċis barranin. Il-Malti jrid jaqdef iktar biex jikkompeti fl-ogħla livelli, bħalma jrid jaqdef jekk irid jagħmilha barra minn pajjiżna.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Mhux kulħadd jista’ jagħmilha fl-ogħla livelli tal-futbol. Peró, jekk trid tkun wieħed minn dawk il-ftit, trid taħdem aktar u aħjar mill-ħafna ta’ madwarek. Trid ħafna dedikazzjoni, impenn, sagrifiċċji u tassorbi kemm jista’ jkun tagħlim. Tgħaġġilx u ħu pariri mingħand nies li mhux biss jifhmu, imma jridulek il-ġid. U meta jiġi ċ-ċans, ħu pjaċir, u ħudu!



