Minn Cristian Mucsat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?
Minn etá żgħira kont nipprattika ħafna sports differenti u bdejt nikkompeti b’mod regolari fl-għawm. Fil-pixxina kont nara plejers kbar jittrenjaw bhal Niki Lanzon, Stevie Camilleri u anke I-barrani Tamàs Molnar. Huma kienu ta’ ispirazzioni għalija u ħajruni nibda l-Waterpolo.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Sirens ASC sa issa.
Jien għixt l-adoloxxenza tiegħi u kbirt f’dawn l-aħħar 10 snin mal-Klabb tiegħi s-Sirens u man-Nazzional ta’ Malta ta’ etajiet different. Kelli opportunitá nittrenja ma’ kowċis ta’ reputazzioni internazzjonali bħal Ranko Perovic, Marco Orlovic u diversi kowċis oħra, li kollha kemm huma emmnu fija, u bis-saħħa t’hekk nilgħab b’ċerta kunfidenza.
X‘inhuma t-tragwardi tagħkom bħala tim għall-kampjonat tas-Sajf li jinsab għaddej ġmielu?
Wara l-investiment kbir li sar fil-Pixxina tas-Sirens, l-għan prinċipali tal-klabb huwa dak li nirbħu u nagħtu sfida denja lil kull tim li nilagħbu kontrih, u nagħmlu dik il-qabża ta’ kwalitá biex forsi nagħtu ġirja tajba għat-Tazza.
Kif tqis il-livell tal-waterpolo Malti fil-preżent?
Il-waterpolo Malti għamel qabża kbira ta’ kwalitá kemm bil-ftuh tal-pixxini ġodda fejn aktar tfal għandhom post fein jittrenjaw is-sena kolla, kif ukoll bil- fatt li kowċis ta’ kwalitá qed jinġiebu Malta biex jaħdmu tul is-sena kollha u mhux fis-sajf biss. Plejers Maltin li jilagħbu barra minn xtutna u kampjonati li rnexxielna nattiraw lejn Malta bħall-Final 4 Champions League ikomplu jagħmlu reklam tajjeb biex dan l-isport jittieħed b’aktar serjetá fuq kull livell.
Tikkunsidra dan kollu, u tqis ir-riżultati (bħad-draw li ksibna kontra Franza) li qed niksbu f’kampjonati internazzjonali, jien nemmen li l-kwalitá tal-waterpolo Malti hija għolja ħafna u ċert li se nkomplu nitjiebu.
U dak tar-riżorsi (pixxini) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?
Jien veru napprezza l-finanzi u l-ħin prezzjuż investit biex il-pixxina antika ġiet konvertita fi struttura li tiflaħ għall-maltemp u f’kumpless li jinkorpora wkoll pixxina interna, gym u ristoranti li jkomplu jattiraw aktar nies lejn il-klabb. Meta jien kont żghir il-klabbs kollha ta’ Malta tal-għawm, waterpolo u synchro kienu jużaw l-istess Pixxina ta’ Tal-Qroqq … tista’ timmaġina l-limitazzioniet enormi li din is-sitwazzioni kienet iġġib!
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?
Jien nittrenja b’dedikazzioni kbira u dejiem urejt rispett kemm lein il-klabb tas- Sirens kif ukoll lejn kull kowċ li kont taħt il-gwida tiegħu. Nispera li nibqa’ nikber u ntejjeb il-ħiliet tiegħi b’dan il-mod u fl-aħħar mill-aħħar xi darba nirbaħ il- Kampjonat tas-Sajf kif ukoll in-Knock-out.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.
Il-waterpolo hu sport diffiċli, imma proprju dan jagħmlu sabiħ. Jekk verament tħobbu, ibqa’ konsistenti, żomm umiltà, u qatt tieqaf taħdem—kemm fl-ilma kif ukoll barra minnu. Importanti tkun ‘coachable’ … trid titgħallem taċċetta l-kritika tal-kowċ, u tifhem li dan tabilħaqq jixtiqlek il-ġid!