Thursday, April 18, 2024

“Nistenna li minn ħin għall-ieħor isseħħ traġedja”

Omm u vittma tal-vjolenza domestika f’biża’ minħabba armi tan-nar fid-dar

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Rieqda f’kamra żgħira fid-dar matrimonjali li suppost kellha tgawdi f’ambjent seren ta’ familja, omm Maltija tinsab f’biżgħa kontinwa li l-eks raġel tagħha, li għadu jgħix taħt l-istess saqaf, juża waħda mill-armi tan-nar li għandu miżmuma fil-post. TALK.MT f’intervista ma’ din il-vittma ta’ vjolenza domestika u ta’ theddid kontinwu għal dawn l-aħħar snin, daħal għal darb’oħra f’dinja mimlija perikli reali li għandna fis-soċjetà tagħna. Soċjetà mifnija bi żwiġijiet imkissra u t-tfal xhieda ta’ tensjonijiet, ġlied u għajjat mimli rabja bejn il-ġenituri tagħhom.

“M’inix insib għajnuna. Veru ma nafx fejn se nitfa’ rasi. Ġenninli tifla u nistenna li minn ħin għall-ieħor isseħħ traġedja. F’nofs ta’ lejl iqum u jagħmel xenati kbar fejn jibda jgħajjat, isabbat u jkisser id-dar kollha. Għandi kollox irrekordjat u imma qisu ħadd ma jista’ jagħmel xejn u l-Qorti tilgħin u neżlin,” stqarret b’xoffitha jitriegħdu din il-mara.

Ambjent ta’ familja “infern”

Ħafna drabi nitkellmu dwar il-vjolenza domestika u l-bżonn li l-affarijiet jinbidlu. Is-sitwazzjoni mhiex waħda sabiħa u f’soċjetà avvanzata u ċivilizzata wieħed jistenna li xi tip ta’ protezzjoni jkun hemm u dan b’mod speċjali fejn jidħlu t-tfal. Hemm il-fakultà u l-għodda li jistgħu jintużaw f’każijiet serji hekk. 

Tibdil sar, fil-fatt infetaħ anke unit apposta b’uffiċjali tal-pulizija mħarrġa li jieħdu każijiet ta’ vjolenza domestika biss, kif ukoll infetħu għadd ta’ shelters li jilqgħu kemm lill-vittma, kif ukoll lit-tfal li jkollha magħha. L-għarfien żdied iżda hemm bżonn ta’ azzjonijiet immedjati u konkreti, kif ukoll bidla fil-mentalità u edukazzjoni. Din tal-aħħar għandha ssir mill-aktar fis possibbli bil-għan li sal-ġenerazzjoni li jmiss neradikaw kompletament il-vjolenza domestika għax dan it-tip ta’ abbuż m’hemmx post għalih fis-soċjetà tagħna. 

Iżda, sal-lum, il-problema ta’ vjolenza domestika għadha hemm u min jinsab fiha jrid soluzzjoni, soluzzjoni li ħafna drabi qiegħda tkun posposta minħabba proċeduri legali twal u t-teknikalitajiet oħra. Vittmi ta’ vjolenza domestika jilmentaw b’nuqqas ta’ għajnuna immedjata u konkreta, kif ukoll minn kawżi li jieħdu wisq fit-tul, tul li għalihom jista’ jfisser bejn ħajja u mewt . 

Hekk huwa l-każ ta’ din il-mara li fetħet kawża għas-separazzjoni snin ilu iżda hija u l-eks raġel tagħha għadhom jgħixu taħt l-istess saqaf. Dan it-tip ta’ ambjent huwa perikoluż minħabba li ż-żewġ partijiet miġġielda jaħbtu wiċċ imb’wiċċ awtomatikament. F’dan il-każ, l-allegata vittma u wliedha qegħdin isofru kontinwament għajjat u ġlied li qiegħed isarraf f’abbuż fuq it-tfal li spiċċaw jgħixu f’ambjent ta’ familja “infern”.

L-omm li ilha s-snin tissagrifika biex taħdem u tmanti l-familja, insistiet li s-sitwazzjoni tagħha hija serja ħafna għax l-eks raġel tagħha heddidha li joqtolha fejn qalilha “jew inħanxarek jew nisparalek”. Hija rrakkontat kif id-dar matrimonjali xtrawha flimkien u kif maż-żmien ma baqax jgħin fl-ispejjeż tal-familja. Wara snin ta’ diżgwid fir-rigward, ir-raġel allegatament beda jirrikorri għall-vjolenza domestika. 

Bit-tama li jieqaf isawwatha jew “almenu jsir xi ħaġa, bdejt nagħmel rapporti kontra rapporti għand il-Pulizija. Issa qiegħed ikisser kullimkien fid-dar għax jaf li se nżommha jiena. Dan kollu fis-sagħtejn u t-tlieta ta’ filgħodu… Riċentement erġajt ċempilt lill-Pulizija imma dawn damu biex ġew siegħa u nofs. Mhux seta’ qatilni jew qatel lit-tfal. Ma ħadt xejn ħlief turturi u nkwiet. Tlabt li jkellmuh u jieħdu azzjoni billi fost l-oħrajn ineħħulu l-armi mid-dar. Sa qaluli li jekk ma jippontax l-arma lejja ma jistgħu jagħmlulu xejn. Mela xi jridu dawn? Li jaraw id-demm iċarċar?,” staqsiet imbikkma din il-vittma.

“Damu biex ġew siegħa u nofs… Mhux seta’ qatilni jew qatel lit-tfal. Ma ħadt xejn ħlief turturi u nkwiet. Tlabt li jkellmuh u jieħdu azzjoni billi fost l-oħrajn ineħħulu l-armi mid-dar. Sa qaluli li jekk ma jippontax l-arma lejja, ma jistgħu jagħmlulu xejn”

“Pa ieqaf… pa ieqaf!”

Din il-mara li ssofri minn theddid serju, azzjonijiet ħżiena ta’ kuljum u inkejja, qalet li minħabba li l-Pulizija m’humiex isibu biżżejjed evidenza mill-filmati li tiġbed u tippreżentalhom, hija qiegħda tħossha mitlufa kompletament. “Lanqas imexxu l-każ. Tkellimt mal-Appoġġ ukoll għax it-tfal jaraw kollox. Jiddispjaċini wisq għal binti adoloxxenti għax qiegħda tbati ħafna u ninsab ferm inkwetata għaliha minħabba li din verament tistudja u tistinka. Dan l-ambjent mhuwiex ta’ ġid għaliha”.

Minn filmat partikolari li diġà wrietu lill-awtoritajiet, dan il-ġurrnal seta’ jisma’ lit-tifla ta’ din il-mara tipprova tara għala missierha kien qiegħed isabbat u jgħajjat b’dagħa faħxi f’nofs ta’ lejl. Fuqu l-istess adoloxxenti tinstema’ mbikkma u titlob bil-ħniena biex missierha jikkalma.

L-omm allegat li l-missier għamel xenata sħiħa fuq ċuċata u għal raġunijiet ta’ anonimità għall-protezzjoni tal-istess minuri, m’aħniex se nagħtu dettalji iżda aħna li smajnih, nikkonfermaw li t-tifla hija vittma intortament. Fih il-missier jesprimi rabja liema bħala għall-omm b’konsegwenza lil dawn it-tfal jinsabu f’ambjent mimli tensjoni, stress u biżgħa kontinwa.

“Ġabni nitkellem waħdi,” stqarret din l-omm. Hija żiedet tgħid li, “spiċċajt kont dħalt f’dipressjoni bil-pilloli u mbagħad iddeċidejt li nwaqqafhom għax ġabuni ċassa, norqod il-ħin kollu u litteralment ma stajt nagħmel xejn. Wisq nibża’ li għandu dipressjoni u li f’rabja kbira jweġġgħana. Dan għax f’mument ikrah persuna tintilef u ma tkunx taf x’inhija tagħmel. Lili ġratli”.

Min-naħa tagħha hija tinsisti li l-armi fid-dar huma ta’ periklu imminenti u reali għalihom. Din l-omm sostniet li huwa minnu li l-Pulizija tal-unit speċjalizzat għall-każijiet ta’ vjolenza domestika jaħdem ħafna imma fl-opinjoni tagħha, “rapport ma jiswa xejn”. Din il-vittma ta’ vjolenza domestika temmet tisħaq fuq l-importanza li f’każijiet serjissimi bħal tagħha, jekk l-agressur jibqa’ jirrepeti azzjonitu, mat-tielet rapport dan għandu jinħareġ mid-dar u mhux ikollha taħrab il-vittma bit-tfal magħha. 

MIL-LAT LEGALI:

Sors legali qal lil dan is-sit li f’każijiet bħal dawn l-aħjar li jsir huwa rikors ta’ żgumbrament u għalkemm mhux faċli, huwa possibbli li l-Qorti tilqa’ t-talba u l-agressur jinħareġ mid-dar.

Ekonomija

Sport