Sunday, November 24, 2024

“Nistgħu naffrontaw l-isfidi u nerbħu l-elezzjoni li jmiss”

Bernard Grech jisħaq li l-PN għandu bżonn jieħu deċiżjonijiet importanti

Aqra wkoll

Bernard Grech, li qiegħed jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni għall-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista li se ssir il-ġimgħa d-dieħla, f’intervista appella l-membri tal-Kunsill biex jagħtuh appoġġ b’saħħtu ħalli jkompli jmexxi hu. Filwaqt li saħaq li huwa dritt u dmir ta’ kull membru li għandu f’idejh il-vot li jmur isarrafu, Grech sostna li fil-partit hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet importanti. Deċiżjonijiet, ħidma u direzzjoni li skont huwa se ssaħħaħ lill-PN bil-għan u jerbaħ l-elezzjoni li jmiss.

“Għandna sfidi politiċi kbar u l-aktar kelma importanti hija kuraġġ. Irridu nkunu kuraġġjużi l-ewwel biex nieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn u wara li naffrontaw l-isfidi li għandna quddiemna. Il-PN dejjem mexa b’mod korrett. Għandna l-valuri tagħna u rridu nibqgħu naħdmu. Irridu nifhmu anke r-realtajiet li għandna f’pajjiżna,” ammetta Grech.

Wara t-tielet telfa konsekuttiva mill-PN tal-elezzjoni ġenerali, ir-raġuni wara li Grech reġa’ kkontesta għat-tmexxija tal-Oppożizzjoni hija dik li fi kliemu, “dak li dħalt biex nagħmel fl-2020 għadu mhux komplut”. Huwa qal li jinsab determinat li jaħdem għall-ġid tal-pajjiż u mhux għall-interessi tiegħu. “Minkejja dak kollu li għamilna tilfna imma rridu napprezzaw il-frott ta’ dak li rnexxielna nagħmlu,” insista Grech.

Huwa qal li l-prijorità tiegħu hija l-ħidma politika u fost l-isfidi li għandu l-Partit Nazzjonalista hija dik finanzjarja fejn għadhom kemm ħarġu ċ-ċifri bil-miljuni ta’ ewro li għandu f’dejn. Grech qal li parti mid-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu hija proprju rigward il-qagħda finanzjarja tal-partit tiegħu għax “problema finanzjarja xxekkel il-ħidma tal-partit. Irridu nnaqsu l-ispejjeż ħalli jkollna ħidma politika sħiħa għall-elezzjoni ġenerali li jmiss u għal dik tal-MEPs”.

Barra l-kuntest finanzjarju Grech semma’ wkoll il-kuntest organizzattiv. Dan bil-għan li jkun hemm aktar organizzazzjoni u effiċjenza ħalli jitnaqsu l-ispejjeż tal-PN Fir-rigward huwa żied jgħid li, “tajjeb li wieħed jifhem li partit ifisser kulħadd u mhux erba’ min-nies. Importanti li fil-ħidma, ffl-imġieba u fid-diskors ma nagħmlux ħsara lill-partit iżda li nsaħħuħ u naħdmu għalih”. 

Bernard Grech ammetta li hemm bżonn ta’ aktar kuntatt dirett kemm mal-membri tal-kumitati tal-PN, fejn stqarr li s’issa kulma ltaqa’ magħhom kienu biss f’żewġ okkażjonijiet, kif ukoll man-nies għax “kulħadd jieħu pjaċir li jkun stmat”. 

Sport