Fl-ewwel quddiesa tiegħu, Papa Ljun XIV qal li jittama li jmexxi Knisja Kattolika Rumana li “ddawwal l-iljieli mudlama tad-dinja”.
Il-quddiesa saret fil-Kappella Sistina u preżenti għaliha kien hemm il-Kardinali li kienu eleġibbli biex jivvutaw fil-Konklavi u Kardinali oħra.
Papa Ljun XIV beda l-omelija tiegħu bil-lingwa Ingliża u wara kompla bit-Taljan. “Nistedinkom tagħrfu l-meravilji li għamel il-Mulej, il-barkiet li l-Mulej ikompli jitfa’ fuqna lkoll,” qal il-Papa.
Huwa mbagħad qal li jittama li l-Knisja tillumina l-iljieli mudlama ta’ din id-dinja. Żied jgħid li mhumiex ftit il-kuntesti li fihom il-fidi Nisranija hi kkunsidrata bħala assurda, għall-persuni dgħajfa u ftit li xejn intelliġenti. Kuntesti fejn huma preferuti affarijiet oħra bħat-teknoloġja, il-flus, is-suċċess jew il-poter.
Il-Papa kompla jgħid li nuqqas ta’ fidi spiss tkun akkumpanjaa mit-telf tas-sens ta’ ħajja, mit-traskuraġni tal-ħniena, mill-kriżi tal-familja u minn tant ġrieħi oħra li jolqtu lis-soċjetà tagħna.
Papa Ljun XIV assigura iżda li “din hija d-dinja li ġiet fdata lilna u aħna msejħin inkunu xhieda tal-fidi ferrieħa tagħna fi Kristu s-Salvatur.”