Wednesday, May 28, 2025

Nittama li nerġa’ lura kemm jista’ jkun malajr, imma dejjem naħseb li l-iktar importanti hu li nerġa’ lura b’saħħti – Brenda Borg

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Inkun onesta, ma nistax ngħid eżattament meta bdiet, imma dejjem kelli ġibda naturali lejn dan l-isport. Għalkemm ġejja minn familja kbira ta’ sebgħa, jien biss inħobb il-futbol, għalhekk ma nistax ngħid li trabbejt f’ambjent imdawwar bih jew li kienet xi triq mistennija li nieħu. Dejjem kont sportiva, u b’ommi għalliema tal-edukazzjoni fiżika, ippruvajt ħafna sports differenti. Imbagħad bdejt il-futbol ta’ 11-il sena – u minn dakinhar, qatt ma ħarist lura. Barra minn hekk, dak iż-żmien il-futbol tan-nisa kien għadu relattivament ġdid u, f’għajnejn ħafna, meqjus bħala xi ħaġa mhux tas-soltu. Il-konformità qatt ma għoġbitni – il-futbol għeni nsib mod kif nesprimi lili nnifsi u nħossni differenti mill-bqija.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Mġarr United FC.

Kull min jafni jaf kemm ifisser għalija t-tim tal-iMġarr. Bdejt magħhom b’mira waħda f’moħħi – li xi darba nirbaħ il-kampjonat magħhom u ninkiteb fl-istorja tal-klabb. Illum qed naraw aktar nies li qed jemmnu fit-tim tan-nisa u qed jinvestu fih aktar minn qatt qabel. Din il-bidla bdiet tħalli l-frott, speċjalment f’dan l-istaġun.vImma dak li għandna llum ma ġiex mix-xejn. Kien hemm ħafna nies li ħadmu b’passjoni qabel u bnew pedament b’saħħtu. Huma wkoll għandhom sehem kbir f’dak li hu l-Mġarr illum – mhux biss tim, imma post fejn tħossok milqugħa u rispettata. Ir-rebħa tat-Tazza tan-Knockout kienet mument tassew speċjali – l-ewwel tazza fl-istorja tal-klabb. Kont kburija naraha sseħħ, għax nafu kemm ħdimna għaliha. Imma personali kienet ukoll diffiċli, għax kont imweġġgħa u ma stajtx inkun fuq il-ground. Ma tħossx l-istess sodisfazzjon bħal meta tkun tista’ tħalli qalbek fuq dak il-pitch.

U dik mat-tim nazzjonali Malti tan-nisa.

Il-ħin li nqatta’ mat-tim nazzjonali hu ta’ prestiġju kbir għalija. Naħseb li m’hemmx unur akbar għal atleta milli jirrappreżenta lil pajjiżu – u jien gratissima għal kull ċans li ngħatajt. Hemm grupp sabiħ ta’ plejers li verament jaħdmu għal xulxin, flimkien ma’ staff tekniku dedikat u l-assoċjazzjoni li qed tagħti l-kontribut tagħha biex it-tim ikompli javvanza. L-atmosfera hi waħda pożittiva u ta’ rispett reċiproku. Fl-aħħar snin, bdejna naraw riżultati li tassew nistgħu nkunu kburin bihom. Għad fadal ħafna xi jsir, ċertament, imma nemmen li qegħdin fit-triq it-tajba – u li, b’aktar ħidma u investiment, nistgħu naslu sa fejn forsi qatt ma ħsibna li nistgħu.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Manuela Tesse?

Kull kowċ li tkun taħdem miegħu jgħallmek xi ħaġa. Grazzi għall-kowċ Tesse, nista’ ngħid li għenitni nerġa’ nsib il-motivazzjoni tiegħi għall-futbol wara żmien fejn kont qed niddubita r-rwol tiegħi fit-tim. Kowċ Tesse għandha passjoni kbira għall-logħba, u din l-istess passjoni qed titrasferiha lilna. Ħerqana li nibqgħu naħdmu flimkien għax nemmen bis-sħiħ li taħt it-tmexxija tagħha t-tim jista’ jkompli jtejjeb il-livell tiegħu.

Kif qed tirkupra mill-injury serja fl-ACL? Se narawk lura fl-azzjoni għal Ottubru li ġej fil-bidu ta’ staġun ġdid?

Kienet daqqa ta’ ħarta kbira, aktar fuq livell emozzjonali u psikoloġiku milli fiżiku. Meta tqiegħed qalbek u l-enerġija tiegħek f’xi ħaġa għal snin twal, din issir parti minnek u tifforma l-identita’ tiegħek. Għalhekk, li noqgħod ‘il bogħod mill-futbol għal diversi xhur jagħmilni inħossni tlift parti minni. Madankollu, għandi sens ta’ gratitudni għal din is-sitwazzjoni għax qed tagħtini l-opportunità nerġa’ nsib il-motivazzjoni u nħares ’il quddiem b’aktar determinazzjoni u saħħa biex nerġa’ lura aħjar. Iż-żmien tar-ritorn jiddependi fuq diversi fatturi, u qed naħdem mill-qrib mal-istaff mediku biex nagħmel ir-rehab b’mod sħiħ u korrett. Nittama li nerġa’ lura kemm jista’ jkun malajr, imma dejjem naħseb li l-iktar importanti hu li nerġa’ lura b’saħħti.

Kif tqis il-livell attwali tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna?

Naħseb li l-livell qed jitjieb minn staġun għall-ieħor. F’dawn l-aħħar snin, żdiedu l-plejers barranin, u nemmen li dan għen biex jogħla l-livell tal-logħba. Qed naraw ukoll aktar kowċis kwalifikati jmexxu t-timijiet tan-nisa, u dan jgħin biex jitjieb t-taħriġ. Il-fatt li l-partiti issa jintlagħbu fi tmiem il-ġimgħa kien pass pożittiv ukoll, għax ġabet iktar struttura u serjetà fil-kompetizzjoni.

Madankollu, għad hemm sfidi li rridu nindirizzaw. Hemm distakk ċar bejn it-timijiet fil-quċċata tal-klassifika u dawk ta’ taħt. Mhux għax it-timijiet l-oħra mhumiex qed jaħdmu, imma għax mhux kulħadd għandu l-istess mezzi u appoġġ – kemm finanzjarju kif ukoll strutturali. Il-fatt li għandna biss tmien timijiet fil-kampjonat jibqa’ ta’ tħassib. Jekk timijiet ikomplu jirtiraw, il-kompetizzjoni tonqos u jkun diffiċli li nkomplu nibnu fuq il-progress li sar. Huwa ċar li hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet konkreti u strateġiċi biex niżguraw futur stabbli u sostenibbli għall-futbol tan-nisa f’pajjiżna.

U dak tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?

Meta tħares lejn il-livell ġenerali tal-grawnds fejn nilagħbu l-logħob uffiċjali, nista’ ngħid li ħafna minnhom huma f’kundizzjoni tajba u addattati biex jintlagħab il-futbol. Madankollu, għad hawn grawnds li jeħtieġu aktar attenzjoni, speċjalment f’termini ta’ manutenzjoni tal-artificial turf. F’xi każi, il-kundizzjoni ħażina tal-grawnd kienet kawża diretta ta’ injuries, xi ħaġa li ma nistgħux naċċettaw. Għalhekk, hemm bżonn ta’ sorveljanza iktar regolari u investiment kontinwu biex inżommu l-istandards tal-grawnds għoljin u konsistenti għal kulħadd.

Kif qed tħares lejn il futur tieghek fil futbol? Ghad narawk kowċ il quddiem?

Aktar milli nara lili nnifsi fir-rwol ta’ kowċ, bħalissa jinteressani aktar in-naħa amministrattiva jew ta’ tmexxija – anke għax diġà ggradwajt fil-qasam tal-isport. Fil-fatt, qed nippjana li nibda MBA dalwaqt, pass li nemmen jista’ jiftaħ aktar opportunitajiet għalija, speċjalment jekk xi darba niddeċiedi li nidħol fid-dinja tal-‘management’ sportiv.

Għaddi messaġġ finali speċjalment lill-bniet u tfajliet li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Intom iż-żgħar għandkom xorti kbira li tilagħbu fi żmien fejn il-futbol tan-nisa f’pajjiżna qed jiżviluppa, grazzi għall-isforzi ta’ dawk li ġew qabilkom u għaddew minn ħafna sfidi biex jiksbu d-drittijiet. Qabel ma kienx hemm l-opportunitajiet li għandna illum. Għalhekk, ħu vantaġġ minnhom b’għaqal u responsabbiltà. Fuq kollox, tibżgħux mill-iżbalji – huma parti naturali mill-proċess u jagħmluh aktar sinjifikanti!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport