Id-dinja tax-xjenza u t-teknoloġija hija madwarna u ngħixuha kuljum. llum ma nistgħux naħarbu minnha. Ankè permezz tal-mowbajls, il-kompjuters, u l-mezzi ta’ komunikazzjoni, ninsabu mdawrin b’diversi teknoloġiji li nużaw li dawn xi darba kienu skoperti innovattivi minn xi riċerkaturi.
Esplora marbut ħafna max-xogħol tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, (l-MCST), li l-Esplora, fil-fatt jaqgħu taħt l-istess tmexxija. Dan il-ġurnal tkellem mal-Kap il-ġdid tal-Esplora Olaf McKay dwar il-ħidma tiegħu f’din l-entità u l-viżjoni li għandhom għaż-żmien li ġej.
Huwa beda biex qal li l-irwol tal-MCST huwa propju li jagħmel mezz biex issir aktar riċerka f’Malta – riċerka f’oqsma differenti tax-xjenza, pereżempju riċerka fuq teknoloġiji diġitali, imma mhux biss, anke riċerka fuq is-saħħa tal-bniedem, riċerka fuq l-ambjent u t-tibdil fil-klima, riċerka fuq teknoloġiji marbuta mas-settur marittimu u l-avjazzjoni.
L-MCST għandha diversi programmi differenti ta’ finanzjament għar-riċerka li tindirizza kemm riċerka fl-istadju bikri tagħha, u anke riċerka fi stadju avvanzat lesta biex tiġi kkummerċjalizzata. It-tematiċi li jiġu ttrattati huma varji wkoll u jindirizzaw setturi li huma aktar tradizzjonali bħas-saħħa u l-mediċina, jew l-agrikoltura, u oħrajn aktar emerġenti bħall-intelligenza artifiċjali jew l-ispazju.
“Bħala kunsill aħna wkoll in-National Contact Points tal-akbar programm tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa – Horizon Europe. Ir-riċerkaturi Maltin jikkollaboraw ma’ riċerkaturi oħrajn u jiksbu fondi Ewropej għall-proġetti tagħhom. Biex tikseb fondi Ewropej hemm l-element kompettiv għax l-aqwa sejħiet biss jiksbu fondi,” qal McKay.
Bħala Kap ġdid tal-Esplora, huwa qal li se jkun qed jibni fuq ix-xogħol tajjeb li diġà twettaq, b’dinamiżmu u b’aktar enfasi li x-xjenza ndaħħluha fil-qalba tal-komunità. “Nittama li se nkun qed inġib perspettiva ġdida liċ-Ċentru tax-Xjenza. Flimkien mat-tim, se nkunu qed nibnu relazzjonijiet b’saħħithom mal-komunità lokali, mal-partijiet interessati, u l-imsieħba sabiex ikun hemm opportunitajiet ġodda għall-kollaborazzjoni u t-tkabbir. Se nkunu qed nagħfsu wkoll fuq l-id kummerċjali li jista’ joffri dan il-post.”
X’attivitajiet torganzzaw matul is-sena bħala entità?
Esplora tippromwovi x-xjenza fost nies ta’ kull età permezz ta’ attivitajiet interattivi u “hands-on”. Importanti ħafna li sa minn età żgħira nressqu t-tfal u ż-żgħażagħ lejn id-dinja tax-xjenza u nenfazzizaw li x-xjenza huwa suġġett għal kulħadd, inkluż l-anzjani.
Kull staġun jekk hu Milied, Għid, Halloween, aħna norganizzaw attivitajiet tematiċi li jappellaw għall-pubbliku. Fil-fatt, dalwaqt ser inkunu qed niftħu l-bibien tagħna għall-egħluq tal-Festival tal-logħob tan-nar 2023 fit-30 t’April. Il-logħob tan-nar huwa xjenza wkoll.
L-Esplora jinsab f’wieħed mill-isbaħ postijiet ta’ Malta li jagħti fuq il-Port il-Kbir u għalhekk se nkunu qed nolqtu żewġ għasafar b’ġebla waħda, l-ispettaklu u d-divertiment, u x-xjenza. Kurżità żgħira fl-Esplora hemm esibit diġitali li huwa uniku u li inti tista’ toħloq il-logħob tan-nar tiegħek stess.
Kif qed tħares lejn il-futur ta’ din l-istess entità?
Iċ-Ċentri Interattivi tax-Xjenza għandhom il-potenzjal li jinvolvu u jispiraw nies ta’ kull età biex jesploraw u jitgħallmu dwar ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) b’modi kreattivi u divertenti.
Permezz tal-programmi impenjattivi u immersivi li noffru, inkomplu nuru l-aħħar avvanzi xjentifiċi li jispiraw lill-viżitaturi biex jitgħallmu u jesploraw. Se nkomplu nissieħbu mal-iskejjel u l-universitajiet biex nipprovdu riżorsi u opportunitajiet edukattivi lill-istudenti u l-għalliema tagħna, kif ukoll nikkollaboraw mal-imsieħba fl-industrija biex inħajjru karrieri relatati mal-iSTEM.
Nemmen li għandu jkollna rwol importanti fl-invoviment tal-pubbliku. Noħolqu fora għal djalogu u dibattitu dwar kwistjonijiet xjentifiċi u inkomplu nipprovdu opportunitajiet għaċ-ċittadini biex jipparteċipaw fir-riċerka u l-iskoperta xjentifika bħal per eżempju bl-ISTEM Community Fund, miżura tal-budget b’ €24,000 investiment fejn organizzazzjonijiet jistgħu jingħaqdu ma’ riċerkatur jew professjonist mill-qasam tal-iSTEM u jistgħu jirċievu massimu ta’ €8,000 kull proġett.
Inizzjattiva tal-iSTEM Engagement Working Group, iċċhairjat mill-Esplora fi ħdan l-MCST bl-approvazzjoni tal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju.
Qed inħares li nkomplu nqajjmu l-għarfien tax-xjenza, l-innovazzjoni u l-impenn għaliex il-possibbiltajiet għal dak li jistgħu jiksbu huma tassew illimitati.
Għaddi messaġġ finali lill-poplu Malti u Għawdxi fuq l-importanza tax-xjenza u t-teknoloġija fil-ħajja tagħhom.
Inħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdi kollu li ma jibżax minn dawn il-kliem li jistgħu jinstemgħu diffiċli, iżda minflok ipoġġuhom fiċ-ċentru ta’ ħajjithom kif verament huma. F’ħajjithom ikunu kreattivi f’dak li jagħmlu. Bil-viżjoni tagħna aħna nittamaw li nkunu ta’ ispirazzjoni għall-ġenerazzjonijiet tagħna billi nħeġġuhom jesploraw, joħolqu u jimmaġinaw!