Il-komunità internazzjonali fl-aħħar stembħet u qamet mir-raqda profonda li kienet fiha. Qed ngħidu fl-aħħar stembħet, għaliex diversi gvernijiet ta’ pajjiżi, inkluż il-gvern tal-pajjiż tagħna, iddikjaraw li se jirrikonoxxu l-istat tal-Palestina bil-ħsieb li jġibu fi tmiemha il-gwerra fil-Lvant Nofsani. Dan l-iżvilupp sinifikanti fir-relazzjonijiet internazzjoni se jseħħ f’Settembru li ġej waqt l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda.
Aħna nifirħu b’qalbna kollha b’dan l-iżvilupp għaliex nittamaw li jneħħi u jwaqqaf għalkollox il-kalvarju tal-poplu Palestinjan. Li ma nistgħux nifhmu għaliex huwa li l-pajjiżi se joqogħdu jistennew sa Settembru li ġej biex jirrikonoxxu u jiddikjaraw it-twaqqif tal-Istat tal-Palestina. Dan misshom għamluh immedjatament.
Ilu jingħad is-snin li s-soluzzjoni għal kunflitti fil-Lvant Nofsani hija dik ta’ żewġ stati – Palestinjan u Iżraeljan – imma din ’l hekk imsejħa soluzzjoni baqgħet ma mmaterjalizzat qatt. Baqgħet biss għal snin twal ħolma fiergħa. Kellu jitwettaq ġenoċidju ta’ poplu sħiħ, kellu jkun il-ġuħ u l-ikkalpestar tad-drittijiet umani, biex, anki jekk tar wisq, il-komunità internazzjoni tistembaħ u fl-aħħar tagħraf id-dritt li l-Palestinjani jkollhom stat sovran tagħhom u għalihom.
Pajjiżna, kien dejjem minn ta’ quddiem nett isostni id-drittijiet inaljenabbli tal-poplu Palestinjan u dejjem emmen f’politika barranija li tappoġġja stat Palestinjan bla ma ddgħajjef l-istat ta’ Iżrael. Dik, kienet politika realistika lejn paċi dejjiema fil-Lvant Nofsani u s-soluzzjoni tal-kunflitt li ilu għaddej sa kważi mill-1948.
Fis-snin sebgħin, pajjiżna kien diġa beda jkun il-vuċi tal-poplu Palestinjan fl-isfera internazzjonali – partikularment fin-Nazzjonijiet Magħquda u fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa. U dan ma kienx bil-kliem biss imma aktar bl-azzjoni.
Għalhekk nilqgħu b’sodisfazzjon id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li pajjiżna se jkun fost dawk minn tal-ewwel li jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan. Dan huwa xhieda ta’ kemm pajjiżna tassew emmen li l-prinċipju ta’ żewġ stati se jwassal għal paċi dejjiema bejn Iżrael u l-Palestina.
Li jitwaqqaf u jiġi rikonoxxut stat Palestinjan diġà huwa attentat importanti minnu nnifsu lejn il-kisba ta’ paċi dejjiema, iżda nemmnu li mhux biżżejjed. Wara li tirrikonoxxih, il-komunità internazzjonali jeħtieġ li tiġi flimkien u tqum fuq tagħha għat-tieni darba billi tgħin b’kull mezz fil-bini mill-ġdid ta’ dak kollu li tkisser bil-gwerra li ilha għaddejja f’Gaża kważi għal dawn l-aħħar tliet snin.