Sunday, November 24, 2024

NITTAMAW F’RELAZZJONIJIET AQWA MAR-RENJU UNIT

Aqra wkoll

Il-poplu Brittaniku tkellem. Il-Partit Laburista rebaħ u rebaħ bi kbir filwaqt li l-konservattivi sofrew waħda mill-akbar telfiet elettorali jekk mhux l-akbar.

Dan kien mistenni wara 14-il sena ta’ tmexxija kważi diżastruża ghalkollox mill-partit konservattiv fil-gvern li wasslet biex ir-Renju Unit toħroġ mill-Unjoni Ewropea. Il-konsegwenzi ta’ dan ħallew ħerba fl-ekonomija fejn l-ekonomija waqfet tikber u pattiet għal dan il-popolazzjoni kollha speċjalment dawk bi dħul medju li spiċċaw iħallsu rati tal-imgħax għoljin fuq self fuq xiri ta’ djar. 

Hu minnu li l-effetti tal-COVID-19 u l-gwerra fl-Ukrajna kkomplikaw il-ħajja għall-Gvern konservattiv iżda żgur li l-akbar daqqa ta’ ħarta kienet Brexit.

Il-gvern gdid Laburista għandu sfidi kbar quddiemu specjalment biex l-ekonomija terġa’ tikber b’mod li terġa’ tibda ssostni s-servizzi pubbliċi u żżid id-dħul għall-ħaddiema u negozji. Il-gvern ġdid ma jistax jistrieħ biss fuq tqassim ta’ ġid jekk il-ġid ma jinħoloqx.

Dak li se jseħħ fir-Renju Unit mill-lum ‘il quddiem hu ta’ interess kbir għalina wkoll minkejja li l-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi m’għadux li kien wara Brexit. Pajjiżna għandu kull interess li l-ekonomija Brittanika tirpilja u nżidu l-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi. Wieħed jittama li r-relazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea possibilment twassal għal Unjoni Doganali bejn iż-żewg partijiet, liema unjoni tibbenefika Malta wkoll għaliex permezz ta’ Unjoni Doganali l-ispejjeż marbuta ma’ importazzjoni ta’ prodotti mediċinali u oħrajn jonqsu.

Malta u r-Renju Unit dejjem kellhom relazzjonijiet tajbin u nistennew li Gvern Laburista mmexxi minn Sir Keir Starmer ikun eqreb mal-Partit Laburista Malti u dan jawgura biex il-kummerċ bejn iż-żewg pajjiżi jissaħħaħ u jissarraf ukoll b’opportunità ta’ investiment lejn pajjiżna.

L-isfidi li għandu gvern laburista ġdid fir-Renju Unit huma tassew kbar. Madankollu jidher li l-gvern immexxi minn Starmer hu determinat li mhux biss isewwi l-ħsara li saret minħabba Brexit, iżda wkoll li r-Renju Unit terġa’ tikber ekonomikament.

Sport