Is-sena li għaddiet kif intemmet ma kinitx xi waħda li l-komunità internazzjonali setgħet tkun kuntenta bi ġrajjitha. Dak li seħħ fit-tnax-il xahar li għaddew kompla żied mal-inkwiet li diġà kien qiegħed hemm għax filwaqt li d-dinja kienet għadha ffaċċjata mit-theddida tal-pandemija Covid 19, feġġ inkwiet ieħor, bl-invażjoni Russa fl-Ukrajna, bil-konsegwenzi kollha li dan il-kunflitt ġab miegħu bla ma konna qed nistennew.
Il-gwerra fl-Ukrajna hija kunflitt li seta’ ġie evitat mhux bil-forza tal-armi u l-missili jew bil-bumbardamenti fuq l-infrastruttura tal-pajjiż, iżda permezz tad-djalogu kostruttiv bejn min huwa involut. Jidher imma li s-sanzjonijiet ekonomiċi u politiċi mposti fuq ir-Russja ma wasslu mkien, anzi, għax id-diplomazija falliet hawn ukoll. Din il-gwerra wriet fil-beraħ kemm huwa perikoluż li l-poter politiku jkun assolut u kkonċentrat kollu kemm hu f’idejn persuna waħda. Ħadd ma kien jistenna li għax pajjiż ikollu xi problemi ma’ pajjiż ieħor ġirien jaqbad u jinvadi u b’konsegwenza ta’ hekk jintilfu eluf ta’ ħajjiet fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera.
Minkejja dawn il-kriżijiet, pajjiżna, għax kien bil-għaqal, ma ħassx it-toqol tal-piż tagħhom daqskemm ħassewh pajjiżi oħra ferm akbar u aktar sinjuri minna. Huwa kollu minnu li l-inflazzjoni eskalat ma’ kullimkien u pajjiżna mhux eċċezzjoni. Il-martell tal-inflazzjoni ħassejnih ukoll f’Malta tant li l-għoli tal-prezzijiet huwa l-ikbar inkwiet li għandu l-poplu Malti bħalissa.
L-agħar iżda, u hija ħasra, li wara l-għajnuna kollha li offra l-gvern lin-negozji u l-familji, fosthom is-sussidji qawwija fuq l-enerġija u l-fjuwil u l-prezzijiet tal-qamħ, hawn min bla skruplu ta’ xejn ħataf l-opportunità biex għolla artifiċjalment il-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi li joffri.
Dawn in-negozji jridu jirrealizzaw li l-għoli tal-prezzijiet mhux ġustifikat jimmina l-kompetittività ta’ pajjiżna u jxekkel ukoll il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin. Dawn għandhom bżonn jirrealizzaw ukoll li meta jgħollu l-prezzijiet kif iridu u kemm iridu jkunu qed jagħmlu ħsara wkoll lilhom infushom għax jekk jonqos il-konsum ikunu huma wkoll li fl-aħħar mill-aħħar ibatu l-konsegwenzi.
Minkejja kollox u minkejja kull għawġ li ffaċċajna flimkien bħala poplu, fis-sena li għaddiet, pajjiżna għaraf kif ikompli jkabbar l-ekonomija u jżomm il-finanzi tal-pajjiż f’qagħda tajba. Dan iċċertifikawh l-aġenziji ta’ kreditu barranin li qed ibassru li f’din is-sena, is-sena 2023, l-ekonomija Maltija se tissokta fit-tkabbir u se tkun fuq quddiem nett fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Dan ikompli jimliena bil-kuraġġ li nħarsu b’ottimiżmu lejn il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Iżda nemmen li dan ma jseħħx jekk ma jkunx hemm aktar koperazjoni bejn il-klassi politika, mhux biss għat-tisħiħ ekonomiku u finanzjarju imma wkoll għat-tisħiħ tad-demokrazija li nħaddnu f’pajjiżna. Huwa f’dan l-ispirtu li nixtiequ naraw iktar maturità u sens ta’ rispett reċiproku anke fid-dibattiti parlamentari.
Il-midja wkoll trid tagħmel il-parti tagħha biex il-ħajja tal-Maltin tkun aħjar. Dan tista’ tagħmlu billi teżerċita xogħolha b’responsabbiltà u tiġri wara l-verità tal-fatti qabel titfagħhom għall-konsum pubbliku. Dmir il-midja hu li tinforma u twassal il-verità kollha u xejn inqas mill-verità.
Jekk ilkoll kemm aħna nagħrfu l-ħtieġa li nkunu poplu wieħed u magħqud, ikunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi, inkunu nistgħu nagħmlu x-xhur tas-sena 2023 ferm aħjar mit-tnax-il xahar li għaddew b’risq il-familji Maltin u Għawdxin kollha.
F’isem il-GWU nawgura lil kulħadd sena tajba mimlija risq, hena u sliem.