Scott Muscat huwa ċ-champion tad-dinja tal-pool tal-kategorija ta’ taħt il-25 sena. Fil-kampjonati mondjali tal-pool li saru ġewwa Killarney, l-Irlanda, il-player Malti għeleb l-isfida tal-player Ingliż Luke Gilbert bl-iskor ta’ 8-7. Iż-żewġ players kellhom prestazzjoni mill-aqwa u kien biss l-aħħar frame li ta r-rebħa lil Muscat. Dan kien it-tieni suċċess internazzjonali għal Muscat wara li fis-sena 2018 rebaħ il-Kampjonati Ewropej tal-kategorija Under 23’s.
Dan is-sit għamel kuntatt ma’ Scott Muscat innifsu fejn tana dawn ir-reazzjonijiet rigward dan is-suċċess.
Fi kliemu: ”Bħala preparazzjonijiet għal din il-kompetizzjoni, kont immur nagħmel sagħtejn taħriġ qabel ix-xogħol, fejn ġieli kont immur anke fit-8am u nerġa’ mmur nagħmel sagħtejn oħra wara x-xogħol.
“Rigward emozzjonijiet li ħassejt meta ġejt inkurunat champion tad-dinja, din is sena kienet l-aħħar waħda għalija li kont se nikkompeti fil-kategorija ta’ taħt il-25 sena, jiġifieri iktar ridt nagħmel minn kollox biex nirbaħ!”
“Barra minn hekk, kelli lil missieri miegħu u ridt nikkuntentah għax l-emozzjonijiet li kelli din is-sena kienu vera sbieħ speċjalment fl-aħħar tal-kompetizzjoni! Rigward il-futur tiegħi, nixtieq li mmur nilgħab barra minn xtutna u jkolli lil min jgħinni għax dan huwa vera diffiċli minħabba sponsors hawn Malta. Nixtieq ukoll niftaħ bħal skola biex ngħallem il-pool lit-tfal – dik hi l-ħolma tiegħi!”