Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn meta kont żgħir ħafna. Minn dejjem kelli moħħ għall-ballun u kull ċans li kelli kont immur nilgħab mal-ħbieb, kemm il-ġnien fejn il-Knisja Wied il-Għajn kif ukoll il-bandli. Hija passjoni li kibret miegħi u li sa llum għadha parti kbira minn ħajti.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Victoria Hotspurs FC.
L-esperjenza tiegħi ma’ Victoria Hotspurs s’issa kienet ta’ suċċess u waħda mill-isbaħ fil-karriera tiegħi. Hemm proġett sabiħ fil-klabb u kulħadd ambizzjuż biex iwassal lil dan il-klabb għal iktar unuri kemm mill-plejers, il-kowċis, sal-kumitat u l-partitarji. Kulħadd juri rispett lejn xulxin u lkoll naħdmu għall-għan li nibqgħu niksbu l-promozzjoni.
X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess għall-promozzjoni minn National Amateur League 2 għal National Amateur League 1 bħala Champions?
Naħseb li s-sigriet kien l-għaqda u l-konsistenza, kif ukoll l-esperjenza ta’ ċerti plejers. Kull logħba konna nersqu għaliha b’determinazzjoni, u kull plejer kien jaf ir-rwol tiegħu. Il-ħidma bla waqfien tal-kowċis, l-appoġġ tal-partitarji u l-ħidma iebsa f’kull taħriġ kienu kollha fatturi importanti biex finalment ksibna din il-promozzjoni.
Kif qed tħares lejn l-istaġun li ġej fin-National Amateur League 1?
Preparat ovvjament li mhux se jkun wieħed mill-istaġuni li naħsbu li ħa nirbħu lil kulħadd imma nħarsu ‘l quddiem b’determinazzjoni li nagħtu l-100% tagħna f’kull logħba. Nafu li l-livell se jkun ogħla, imma aħna mħejjija biex naffrontaw kull sfida. L-għan tagħna hu li nibqgħu kompetittivi u nkomplu nibnu fuq is-suċċess tal-istaġun li għadda.
X’tikkummenta fuq il-kowċ Oliver Spiteri u l-president Anton Tabone?
Il-kowċ Oliver Spiteri huwa wieħed mill-aktar nies professjonali li ħdimt magħhom – kowċ bravu ħafna dejjem hemm għalina u jġib l-aqwa minna bħala plejers. Il-president Anton Tabone juri passjoni kbira lejn il-klabb, u l-impenn tiegħu hu wieħed li jispirana matul l-istaġun kollu. It-tnejn li huma għandhom sehem kbir fis-suċċess tal-klabb, kif ukoll ma ninsewx lil Marvin Buttigieg it- Team Manager li jagħti qalbu għall-klabb biex ikompli jimxi ‘l quddiem fejn jixraqlu.
Kif tqis il-livell tan-National Amateur League 2, u dan kemm hu differenti minn dak tal-Gozo League?
Jien nista nitkellem fuq id-differenza taI-livell tan-National Amateur League 2 għal dawk il-kampjonati l-oħra ġewwa Malta għax lgħabt fihom, hekk kif fil-kampjonat f’Għawdex qatt ma lgħabt. Ovvjament il-livell dejjem hemm pass ikbar minn kampjonat għall-ieħor. Hemm differenzi fir-ritmu u fl-intensità, għalkemm il-kampjonati kollha għandhom l-isfidi tagħhom.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Il-faċilitajiet li għandna f’pajjiżna huma tajbin, imma dejjem hemm lok għall-progress maż-żmien.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Qed inħares lejn il-futur tiegħi bil-ħsieb li nibqa’ ntejjeb u nagħti l-aħjar tiegħi kemm individwalment kif ukoll mal-klabb. Nixtieq inkompli nikber bħala plejer u nagħti kontribut sħiħ fejn hemm bżonn, b’mod partikolari biex inkompli nġib suċċess lil Victoria Hotspurs FC.
Għaddi messaġġ finali lill-partitarji numerużi ta’ Victoria Hotspurs FC.
Nixtieq nirringrazzja minn qalbi lill-partitarji kollha ta’ Victoria Hotspurs FC. Dejjem kontu t-12-il plejer. Il-passjoni tagħkom tagħmilna aktar b’saħħitna u nieħdu pjaċir nilagħbu għal dan il-klabb. Aħna l-plejers se nibqgħu nagħmlu l-almu tagħna biex nagħtukom raġuni biex tiftaħru bina bħala tim. Inħeġġukom bis-sħiħ biex tibqgħu tissaportjawna għall-istaġun li ġej!