Sunday, December 22, 2024

“Nixtieq li l-barranin jingħataw l-opportunità li jintegraw ruħhom fis-soċjetà” – Mons Vella Gauci

Aqra wkoll

Waqt li ngħata l-Unur ta’ Ġieħ Għawdex, Mons Joe Vella Gauci iddikjara li “nixtieq li l-barranin jingħataw l-opportunità li jintegraw ruħhom fis-soċjetà”. Hu saħaq li dan hu importanti biex ma jinħolqux soċjetajiet paralleli.

Fid-diskors tiegħu qal li “dejjem emmint li t-tmexxija ta’ pajjiżna m’għandix tkun limitata sempliċement għall-politiċi, imma għandha tiġi estiża għaċ-cittadini kollha ta’ dan il-pajjiż.  Iċ-ċokon t’Għawdex u n-numru żgħir ta’ abitanti (residenti) li jgħammru f’din il-gżira, jiffittja perfettament fit-teorija ta’ Jean-Jacques Rousseau (1712-1778), dik ta’ demokrazija diretta.  Hawn qed nitkellmu mill-esponent ewlieni tas-Sovranità Popolari (Popular Sovereignty, jiġifieri, government based on consent of the people).  Fi ftit kliem il-konsultazzjoni tgħin biex nimmobilizzaw lir-residenti u allura jitnissel fihom l-interess u per konsegwenza d-deċiżjonijiet meħuda u l-ħidmiet mwettqa, jsiru bis-sehem tal-kotra!  Fejn tintrebaħ l-indifferenza u fejn ħadd ma’ jħossu mħolli barra.  Fuq kollox dan mhux il-pajjiż tal-klassi politika jew tal-klassi teknokratika biss.  Dan hu pajjiżna!  U allura deċiżjonijiet ta’ natura ambjentali, estetika, aċċessibilità, żvilupp, eċċ., altru li jinteressawna.”

Mons Vella Gauci qal li “hemm diversi modi ta’ kif nistgħu ngħinu fil-progress t’Għawdex u kollox jinbena fuq l-interess ġenwin u l-imħabba ġenwina lejn din l-art li tatna isimha.  Ejjew insaħħu l-fehma tagħna li nibqgħu nagħtu s-sehem tagħna, anke jekk żgħir, b’risq Għawdex u r-residenti Għawdxin. U meta ngħid ir-residenti Għawdxin, nifhem jien mhux biss l-Għawdxin li twieldu f’Għawdex, imma l-Maltin li ssetiljaw f’Għawdex u saħansitra l-barranin li jgħixu fostna.  Nixtieq li l-barranin jingħataw l-opportunità li jintegraw ruħhom fis-soċjetà Għawdxija, billi jitgħallmu l-ilsien Malti u jsiru midħla mal-kultura tagħna, altrimenti jista’ jingħata l-każ li fiċ-ċokon ta’ pajjiżna jkollna parallel societies.  Għadu l-mument li nindirizzaw din l-kwistjoni soċjali. Ħassejt li nkun ġifa, jekk ma nisraqx din l-okkażjoni u nagħmel dan l-appell”, temm jgħid Mons Gauci.

Ekonomija

Sport