Sunday, June 1, 2025

Nixtieq li nkun kapaċi nilħaq l-ogħla livell tal-bowling billi mmur nikkompeti professjonalment l-Amerika – Nicholas Muscat

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-bowling?

L-imħabba tiegħi lejn il-bowling bdiet meta kelli biss għaxar snin. Bdejt billi nittrenja fis-sajf u imbagħad bdejt ma’ Skola Sport fix-xitwa. Wara naqqast minn sport ieħor li kont nagħmel biex niddedika aktar ħin għall-bowling.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa f dan l-isport li tant tħobb?

Fil-Kampjonati tal-European Youth Championships (EYC) 2022, irnexxieli nikseb it-tielet post fit-Team event, it-tielet fl-All Events u t-tieni post fil-Masters. Fil-Kampjonati tal-Meditteran, MBC 2024, ksibt tliet midlalji tal-fidda: fis-Singles, Men’s Doubles u bħala Tim.  Fil-Kampjonati tal-Meditteran ta’ din is-sena, ksibt midalja tad-deheb fit-Team Event, midalja tal-fidda fil-Men’s Doubles u midalja tal-bronż fil-Masters. Dawn kienu kollha kisbiet kbar għalija personalment u għal pajjiżna, hekk kif għelibna pajjiżi kbar u plejers barranin tajbin ħafna.

Irbaħt ukoll l-U23 National Championships ta’ Malta darbtejn, kif ukoll in-National Championships fl-2023. Bħala Tim irbaħna l-Kampjonat Nazzjonali diversi drabi.

Kif tqis il-livell tal-bowling f’pajjiżna fil-preżent?

Jiena nemmen li għalkemm m’għandniex ċentru tat-taħriġ tagħna, xorta waħda hawn livell għoli. Meta tikkonsidra li għelibna pajjiżi bħall-Italja, Franza u oħrajn, u l-ammont ta’ midalji li Malta kisbet matul is-snin, kollu jirrifletti l-livell ta’ dan l-isport f’pajjiżna.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Riżorsi kull m’għandna huwa ċentru wieħed li hu privat u nemmen li kieku kellna ċentru tagħna inkunu kapaċi inġibu aktar midalji fil-futur. F’dan iċ-ċentru jsiru l-Kampjonati Nazzjonali u l-kampjonati kollha, bħal, fost l-oħrajn, l-U23 Championships, in-National Championships, kif ukoll Masters, Platinum Cup, eċċ. Kieku ma jeżistix dan iċ-ċentru privat, l-isport tagħna tista’ tgħid jieqaf. It-taħriġ isir fl-istess post, fi slots offruti f’ċerti ħinijiet, allura trid tara kif iddawwar impenji oħra biex tkun tista’ tattendi.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-bowling?

Jien nixtieq li nkun kapaċi nilħaq l-ogħla livell ta’ dan l-isport billi mmur nikkompeti professjonalment l-Amerika. Biex nipprepara għal dan, nemmen li hemm bżonn li nikkompeti aktar fl-Ewropa ħalli nġib aktar esperjenza, sabiex ‘il quddiem inkun kapaċi mmur l-Amerika u nikkompeti mal-aqwa nies f’dan l-isport.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-bowling.

Ninkoraġġixxi ħafna lit-tfal u ż-żgħażagħ biex jibdew, kif ukoll nies maturi fl-etá, għax dan l-isport huwa kapaċi jitgħallmu kulħadd, jekk mhux fuq livell professjonali, għal min ikun jixtieq iżommu bħala passatemp.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport