“Nixtieq nara pajjiż fejn kull Malti, Għawdxi u barrani residenti f’pajjiżna jħoss, li jgawdi ħarsien sħiħ tal-identità, l-kultura u l-aspirazzjonijiet tiegħu. Grazzi tal-kontribut tagħkom, tal-ħidma tagħhom ta’ kuljum, u tal-lealtà li għandkom għall-Malta, “L-Omm li tatna isimha” – ngħożżuha, inħobbuha, u nkunu denji li nissejħu uliedha”
Dan iddikjaratu l-Eċċellenza tagħha l-President Myriam Spiteri Debono fid-diskors li għamlet fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika. Hija qalet; “għalaqna wieħed u ħamsin sena minn meta, wara l-Indipendenza, fl-elf disa’ mija u erbgħa u sebgħin, il-Parlament iddikjara l-Malta tagħna Repubblika. Dħalna fit-tnejn u ħamsin sena; tnejn u ħamsin sena fil-perkors tal-ħajja ta’ nazzjon ma huma xejn. Malta għadha żagħżugħa”
Il-President irrimarkat li f’dawn is-snin ta’ rajna f’idejna, Malta qabdet triq abbażi tal-preċetti tal-Kostituzzjoni tagħha u li fl-isfera internazzjonali, ħadna bis-serjetà l-Artiklu wieħed, sub-artikolu tlieta, li jiddikjara n-newtralità ta’ Malta, iżda ma’ din in-newtralità, irbatna azzjoni attiva biex jintlaħqu “il-paċi, is-sigurtà, u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha”.
Spitei Debono qalet ukoll; “Jidher li ż-żmien huwa opportun biex infakkar illi kien bl-insistenza ta’ Malta, illi fl-Att finali ta’ Ħelsinki, il-paċi fil-Mediterran ġiet inkluża bħala pre-kundizzjoni għall-paċi fl-Ewropa. Issa li, fuq suġġeriment tal-Prim Ministru Robert Abela, il-Kummissjoni Ewropea għandha Kummissarju apposta għall-Mediterran, jeħtieġ li nibqgħu nistinkaw bil-għan li l-Aġenda tal-Mediterran tkun parti minn, u tingħata widen, fl-Aġenda Ewropea”
Semmiet li jeħtieġ li Malta, mhux biss tkompli bl-isforzi tagħha biex il-Mediterran ikun baħar ta’ paċi u sigurtà għall-popli li jgħixu max-xtut tiegħu, iżda hemm bżonn, illi l-isforzi jiġu intensifikati, u tingħata linja soda u qawwija minna stess, sabiex il-paċi u s-sigurtà fil-, u madwar il-Mediterran, ikunu parti mill-aġenda internazzjonali.
Tenniet tgħid li f’ċerta pajjiżi jidher li l-ispazju tas-soċjetà ċivili qiegħed jiċkien, jew addirittura, għandek soċjetà ċivili li qiegħda tersaq lejn il-lemin estrem; attakki li jheddu l-ordni internazzjonali li nkisbet b’tant sforzi u kawtela wara ż-żewġ gwerer; tnawwir ta’ fiduċja bejn in-nazzjonijiet.

