Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi ghall-isport, u iktar partikolari għall-futbol, nista’ ngħid li twelidt biha. Il-ġenituri tiegħi jgħiduli li minn mindu kont żgħir, qatt ma qbadt karozzi jew ġugarelli oħra biex nilgħab ħlief ballun minn dejjem. Dan jista’ jkun ħadtu min-DNA ta’ missieri għax minn dejjem kien sportiv fejn kien jilgħab il-basketball.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ St George’s FC.
Ma St. George’s FC qed tkun esperjenza sabiħa u pożittiva. L-isbaħ ħaġa li għandna hija l-għaqda u l-armonija fil-grupp, kemm bejnietna il-plejers kif ukoll mal-istaff tekniku u l-kumitat. Fejn hemm l-għaqda, hemm is-saħħa!
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq il-fatt li fil-jiem li għaddew ilħaqt it-tragward ta’ 300 partita fil-karriera tiegħek?
Niżżi ħajr lil Alla li wara tliet injuries kemmxejn serji fejn kelli nopera irkuptejja tliet darbiet, irnexxieli nasal għal dan it-tragward, ingawdi iktar emozzjonijiet u memorji li toffri l-logħba tal-futbol, u ovvjament nagħmel iktar ħbieb ma’ nies li jaqsmu l-istess entużjażmu għall-isport. Nixtieq nirringrazja lill-ġenituri tiegħi li dejjem kienu l-gwida ideali f’kull aspett ta’ ħajti, u lill-mara u t-tfal tiegħi, Jack u Ana, tas-sapport u motivazzjoni li jagħtuni kontinwament.
Kif tqis il-livell tan-National Amateur League 2 fil-preżent?
Il-livell huwa wieħed tajjeb. Il-moviment ta’ diversi plejers f’dawn id-diviżjonijiet iktar baxxi qed iservi ta’ ġid biex il-livell ikompli jogħla, u anke l-introduzzjoni ta’ diversi żgħażagħ b’potenzjal tajjeb qed jgħin ukoll.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Kif ngħid lit-tfal fl-iskejjel, l-ewwel u qabel kollox għandek tipprattika kwalunkwe sport b’imħabba u passjoni. Meta tagħmel xi ħaġa mill-qalb, tħoss sodisfazjon akbar ġewwa fik u dan iservi ta’ motivazzjoni sħiħa biex iwasslek tegħleb ostakli kbar u tilħaq poteznjal li jaqtagħlek ix-xewqat li jkollok. Ovvjament, dan kollu dejjem b’umiltá u sagrifiċċju!