Ilbieraħ, it-8 ta’ April 2026, Malta nediet l-abbozz tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Ħiliet 2026–2035: il-pjan li se jagħtina d-direzzjoni biex iċ-ċittadini, in-negozji u l-komunitajiet tagħna jkunu jistgħu jieħdu r-riedni f’idejhom ħalli jirnexxu f’dinja li qed tinbidel kontinwament.
Id-dokument tal-istrateġija issa jinsab disponibbli għall-konsultazzjoni pubblika fuq il-website tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet (NSC) u kulħadd hu mistieden jikkontribwixxi għall-ġejjieni ta’ Malta.
Din l-istrateġija tmur lil hinn mill-edukazzjoni u t-taħriġ. Hi maħsuba biex toħloq il-fiduċja u l-kunfidenza, tibni r-reżiljenza u tiftaħ il-bibien tal-opportunitajiet għal kulħadd… mill-istudenti u l-gradwati li qed jidħlu fid-dinja tax-xogħol, sat-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema tagħna biex jimirħu f’karrieri ġodda, u sal-persuni li jemmnu li t-tagħlim ormaj hu parti mill-passat.
Mhijiex maħsuba biex tkun xi dokument ta’ politika statiku, iżda tfasslet bħala qafas ħaj imsejjes fuq l-evidenza, b’ħidma kollaborattiva, u bl-involviment tal-pubbliku.
Il-ħiliet jiftħulna il-bibien tal-opportunitajiet
Il-ħiliet jinsabu fil-qalba nett tal-Viżjoni Malta 2050, u fuqhom qed tistrieħ l-ambizzjoni ta’ pajjiżna li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħna u li jsaħħaħ is-sisien ekonomiċi u soċjali. Malta qed tħoss l-impatt qawwi tal-hekk imsejħa “megatrends” globali, ix-xejriet il-kbar tad-dinja, bħalm’huma t-trasformazzjoni diġitali, it-tranżizzjoni lejn emissjonijiet żero netti, u t-tibdil demografiku, li lkoll qed ibiddlu mill-qiegħ is-settur edukattiv u d-dinja tax-xogħol.
Pajjiżna mhuwiex qed jagħżel li jadatta. Minflok qed jaħdem qatigħ biex dawn ix-xejriet ikunu opportunitajiet ta’ tkabbir sostenibbli u titjib fil-kompetittività.
Fl-aħħar snin, Malta għamlet passi notevoli ’l quddiem: it-tluq bikri mill-iskola naqas ġmielu, l-istudenti tal-edukazzjoni għolja żdiedu tant li qabżu l-medja tal-UE, filwaqt li l-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim laħqet il-miri Ewropej. Fl-istess waqt, is-suq tax-xogħol issoda, b’waħda mill-inqas rati tal-qgħad fl-UE u bl-ogħla rati ta’ postijiet tax-xogħol disponibbli.
Madankollu, għad hemm l-isfidi. L-istrateġija tagħraf din ir-realtà u tirreaġixxi għaliha b’viżjoni: il-ħiliet huma l-pont bejn l-isfidi tal-lum u l-possibbiltajiet ta’ għada.
Prinċipju ewlieni tal-istrateġija hu sempliċi iżda b’saħħtu: it-tagħlim ma jintemmx. Mhuwiex fażi tal-ħajja iżda hu perkors tul il-ħajja kollha. U għalhekk din l-istrateġija qed tħares lejn it-tagħlim mill-aktar perspettiva wiesgħa.
L-istrateġija ssaħħaħ il-ħiliet f’kull stadju: mill-edukazzjoni bikrija sat-tagħlim vokazzjoni, l-edukazzjoni għolja, u t-tagħlim fost l-adulti. Tenfasizza fuq il-ħiliet tekniċi, iżda anki fuq il-ħiliet trażversali bħas-sejbien ta’ soluzzjonijiet għall-problemi, il-moħħ kreattiv, u l-adattament. Dawn huma għodod li n-nies jeħtieġu biex jirnexxu fuq lant tax-xogħol, fil-ħajja ta’ kuljum u fis-soċjetà, u huma l-istess għodod li bosta riċerka internazzjonali, inkluż dik tal-Forum Ekonomiku Dinji, tqishom bħala l-ħiliet meħtieġa għall-ġejjieni.
Strateġija mibnija fuq l-evidenza u l-ħidma id f’id
L-Istrateġija Nazzjonali għall-Ħiliet ġiet żviluppata wara proċess strutturat u bbażat fuq l-evidenza, li laqqa’ flimkien ir-riċerka, l-analiżi u l-involviment ta’ diversi partijiet ikkonċernati.
Il-proġett hu ffinanzjat mill-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku tal-Kummissjoni Ewropea u qed jitwettaq bl-għarfien tekniku espert taċ-Ċentru għall-Ħiliet tal-OECD u b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea. L-NSC mexxa l-proċess f’pajjiżna, billi ltaqa’ ma’ ministeri, aġenziji, imsieħba soċjali, rappreżentanti mill-industrija, u edukaturi permezz ta’ sessjonijiet ta’ konsultazzjoni u laqgħat bilaterali.
Dan l-approċċ kollaborattiv seta’ jaċċertana li l-istrateġija tkun mirfuda fuq ir-realitajiet ta’ Malta u taqbel sew mal-objettivi ta’ politika tal-pajjiż, fosthom tal-Viżjoni Malta 2050 u l-Pjan Nazzjonali tal-Irkupru u r-Reżiljenza, b’tagħrif mill-aqwa prattiċi internazzjonali. L-iżvilupp tal-istrateġija ilu għaddej sentejn, u matulu ntlaħqu bosta tappi ewlenin oħrajn fosthom saret analiżi komprensiva tas-sistema tal-ħiliet ta’ Malta, ġew organizzati sessjonijiet ta’ ħidma m
a’ diversi partijiet ikkonċernati, u ġew stabbiliti 30 rakkomandazzjoni bbażati fuq l-evidenza.
Tmien oqsma ta’ prijorità u 30 rakkomandazzjoni
01 Nantiċipaw il-ħtiġijiet tal-ħiliet
02 Informazzjoni dwar il-ħiliet u gwida għall-karrieri
03 Nagħtu r-riedni f’idejn l-edukaturi u l-mexxejja tal-iskejjel
04 Il-ħiliet tal-futur għal kulħadd
05 It-tagħlim fost l-adulti u t-titjib tal-ħiliet
06 Postijiet tax-xogħol imsaħħa bit-tagħlim
07 Tħaddim aħjar tat-talenti
08 Governanza soda tal-ħiliet
L-istrateġija tistrieħ fuq tmien oqsma ta’ prijorità, mifruxa tul il-perkors kollu tal-ħiliet: milli nantiċipaw il-ħtiġijiet futuri tal-ħiliet, sa li niżviluppaw il-ħiliet u li nħaddmuhom b’mod effettiv fuq il-postijiet tax-xogħol.
Kull prijorità, imbagħad, għandha sett ta’ rakkomandazzjonijiet immirati li lkoll jistgħu jitwettqu fil-prattika.
It-tmien oqsma ta’ prijorità huma (1) it-tisħiħ tal-intelligence u tat-tbassir dwar il-ħiliet permezz tal-Osservatorju Malti tal-Ħiliet; (2) it-titjib tal-aċċess għal informazzjoni ċara u fil-ħin dwar il-ħiliet u għal gwidi għall-karrieri fuq pjattaforma apposta għal intelligence dwar il-ħiliet; (3) l-għoti ta’ setgħet lill-edukaturi u lill-mexxejja tal-iskejjel biex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom fit-tmexxija; (4) l-inklużjoni ta’ ħiliet ekoloġiċi, diġitali u trażversali fil-perkorsi tat-tagħlim; (5) il-promozzjoni tat-tagħlim fost l-adulti u t-titjib tal-ħiliet; (6) it-trawwim ta’ postijiet tax-xogħol imsaħħa bit-tagħlim; (7) it-tħaddim aħjar tat-talenti f’Malta; u (8) it-titjib tal-governanza u l-koordinazzjoni tal-ħiliet.
Flimkien, dawn il-prijoritajiet għandhom l-għan li jiżguraw li t-tagħlim ikun rilevanti, aċċessibbli u mogħti l-istima li jixraqlu.
Implimentazzjoni u Monitoraġġ
Mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Ħiliet ġie ppubblikat Pjan ta’ Azzjoni dettaljat, maħluq id f’id ma’ bosta entitajiet ewlenin skont kull rakkomandazzjoni. Dan il-pjan jiżgura li kull rakkomandazzjoni tinbidel f’azzjonijiet konkreti, bi skedi ċari u bil-kontabbiltà. L-implimentazzjoni se tkun qed tiġi sorveljata b’mekkaniżmu b’saħħtu tal-monitoraġġ immexxi mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-NSC, biex jinżamm rendikont tal-progress u biex l-istrateġija tkun tista’ tadatta għall-bżonnijiet ta’ pajjiżna li tant qed jevolvu. B’hekk naċċertaw li l-istrateġija ma tkunx fossila, iżda qafas dinamiku li javvanza kontinwament.
Stedina biex insawru l-ġejjieni ta’ pajjiżna
It-tnedija tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Ħiliet mhijiex it-tmiem ta’ xi vjaġġ, iżda l-ftuħ ta’ djalogu nazzjonali. L-NSC qed jistieden lill-partijiet kollha kkonċernati, lil dawk li jħaddmu, lill-edukaturi, lill-istudenti u liċ-ċittadini tagħna biex jieħdu sehem fil-konsultazzjoni pubblika u jaqsmu fehmiethom fuq https://nscmalta.gov.mt/national-skills-strategy. Bl-involviment ta’ ħafna, Malta tista’ toħloq sistema tal-ħiliet b’saħħitha li fuqha joktru t-tkabbir ekonomiku, l-inklużjoni soċjali u prosperità fit-tul.

