Il-ġurati kkonkludew li Noel Azzopardi ma kienx fi stat ta’ ġenn meta allegatament spara u qatel lil Eric Borg.
Il-verdett, seba’ voti kontra tnejn, ingħata l-Ġimgħa waranofsinhar. Madanakollu, il-ġurati ddeċidew li Azzopardi bħalissa mhuwiex f’kundizzjoni li jgħaddi ġuri, bi tmien voti kontra wieħed.
Azzopardi, ta’ 41 sena mir-Rabat, jinsab akkużat bil-qtil ta’ Borg, liema delitt seħħ fl-1 ta’ Jannar 2024 fi Triq il-Fidloqqom, ir-Rabat.
Huwa qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ omiċidju volontarju, li uża arma tan-nar biex iwettaq reat u li spara f’distanza ta’ inqas minn 200 metru minn żona abitata. Huwa jinsab akkużat ukoll li ma żammx armi u munizzjon maqfulin f’post sigur f’daru.
Qabel daħlu jiddeliberaw, l-Imħallef Neville Camilleri fakkar lill-ġurati li d-dmir tagħhom kien li jiddeterminaw jekk Azzopardi kienx fi stat ta’ ġenn jew le fil-ħin li seħħ id-delitt.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Kevin Valletta u Kylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
L-Avukati Arthur Azzopardi u Nicole Vassalo dehru għall-akkużat filwaqt li l-Avukat Joe Giglio deher għall-familjari tal-vittma.

