Fl-aħħar sigħat, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għall-Manutenzjoni u t-Tindif Ramon Deguara tella’ post fuq il-midja soċjali fejn esprima d-diżappunt tiegħu wara li xi persuni mhux magħrufa ramew seba’ fridges barra.
“Noffru daqs dawk servizzi, kemm bħala gvern kif ukoll bħala kunsilli lokali u xorta ssib min sfaċċatament jarmi illegalment!” kiteb is-Sur Deguara.
Huwa spjega kif bħala diviżjoni jaħdmu bla waqfien sabiex pajjiżna jkun nadif u sfortunatament xorta ssib nies li ma jurux rispett lejn min jaħdem f’dawn it-temperaturi għoljin u kull ħin ieħor tal-ġurnata.
“Minflok issib min ikasbarna u jinsulentana, iżda aħna mhux ser naqtgħu qalbna!” sostna s-Sur Deguara.
Intant, is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ, Mark Camilleri, irringrazzja lis-Sur Deguara u l-ħaddiema kollha ta’ Clean Malta – Cleansing and Maintenance Division li ġabru dawn il-fridges minn barra. Huwa fakkar li l-Kunsill Lokali joffri servizz b’xejn tal-Bulk Refuse kull nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Ġimgħa.