Mit-62 kaptan li l-Airmalta qed tippjana li żżomm nofshom se jintiżżlu fil-livell ta’ First Officer bil-bdoti jsiru jafu dan meta rċevew ir-roster ta’ kif se jaħdmu hekk kif mill-1 ta’ Lulju li ġej jiftaħ l-ajruport.
Dan irriżulta mill-kawża li qed tinstema quddiem l-Imħallef Toni Abela fejn l-assoċjazzjoni tal-piloti tal-ajru (ALPA) qed tipprova żżomm lil-linja nazzjonali tal-ajru milli tibqa’ għaddejja bil-pjan li tnaqqas il-bdoti.
L-Imħallef Abela kien ta ċans liż-żewġ naħat sal-Ġimgħa f’nofsinhar biex jippruvaw jilħqu ftehim imma biż-żewġ naħat jinfurmawh li d-diskussjonijiet kienu għadhom għaddejjin huwa iddeċieda li jgħaddi għas-smigħ tax-xhieda.
Fost dawn li xehdu kien hemm James Genovese, li jmexxi l-HR tal-Airmalta, fejn dan spjega li l-kumpanija iddeċidiet li żżomm 62 bdot u tkeċċi 69.
Minn dawk li se żżomm nofshom tniżżlu għall-grad ta’ First Officers bid-deċiżjonijiet jittieħdu skont kemm il-bdoti ilhom mal-kumpanija.
Huwa semma li d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) ma kien infurmat li 32 kienu se jitniżżlu fil-grad ta’ First Officer kemm għax ma kienx jaf li hemm obbligu li jsir dan u għax ħadd ma qallu.
Fl-istess waqt huwa ċaħad li b’din id-deċiżjoni saret diskriminazzjoni bejn il-kaptana.
Genovese anke semma li d-deċiżjoni li jinżammu 62 bdot ittieħdet fuq il-‘projections’ li jitħaddmu ħames ajruplani għalkemm ma eskludix li meta jkun hemm aktar titjiriet jinħarġu sejħiet għal iktar kaptani.
Huwa semma wkoll li għalkemm 90% tat-titjiriet waqfu l-bdot baqgħu jieħdu l-paga bażika sħiħa imma l-kumpanija ma setgħetx tibqa’ issostni dan meta impjegati rappreżentati minn tliet unjins oħra aċċettaw li l-ħaddiema titnaqsilhom il-paga.
L-ALPA qed titlob li l-Airmalta titwaqqaf milli tkeċċi d-69 bdot u li ma jkunx hemm tibdil fil-kundizzjonijiet.
Skont hi, il-fatt li 30 kaptan se jispiċċaw First Officers se jwassal biex anke jekk jiddeċiedu li jmorru ma’ kumpanija oħra se jkunu żvantaġġjati għax ikunu ikkunsidrati f’dan il-grad.
Hija qed tinsisti wkoll li mhux biss kienet ingħatat garanzija li ma jkunx hemm tkeċċijiet waqt li jkunu għaddejjin id-diskussjonijiet imma anke li jkun hemm ‘demotions’ ma ġiet diskussa.
Min-naħa tagħha, l-Airmalta qed issostni li l-ALPA kienet diġa ġiet infurmata li se jkun hemm tkeċċijiet kollettivi u li l-offerti tagħha ġew rifjutati minnha.
F’dawn il-proċeduri l-ALPA għandha jidher għaliha lill-Avukat Andre Portelli mentri l-Airmalta lill-Avukat Ron Galea Cavallazzi.