Aktar minn nofs il-każi li rċeviet l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) mingħand sidien ta’ karozzi li kellhom il-kilometraġġ tal-vettura mbagħbas ġew solvuti permezz ta’ ftehim ta’ kumpens li ntlaħaq mal-bejjiegħ.
Dan ħabbritu l-Ministru għad-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli waqt programm televiżiv fejn spjegat li 46 minn 82 ilment li ġew imressqa quddiem l-MCCAA ġew solvuti u li dan seħħ wara li l-MCCAA daħlet f’kull każ biex tara li l-konsumatur ikun issalvagwardjat.
Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat li s-36 każ li fadal għadha għaddejja investigazzjoni fuqhom. Qalet li sal-lum għadu ma ġie riferut l-ebda każ lit-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumaturi, minħabba l-fatt li l-proċess ta’ konċiljazzjoni għadu għaddej.