Sunday, December 22, 2024

Nofs ir-residenzi fit-traġedja f’Ischia kienu mibnija illegalment u ma kinux jifilħu għall-maltemp

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kompliet l-operazzjoni ta’ salvataġġ wara l-valanga tat-tajn li ħalliet ħerba fil-gżira ta’ Ischia fl-Italja. B’rabta ma’ dan il-każ komplew jiġu żvelati aktar esperjenzi ta’ qsim il-qalb fost il-vittmi.

Missier ta’ waħda mill-vittmi konfermati qal dwar kif bintu ċemplitlu għall-għajnuna hekk kif bdiet tara x-xena tal-waħx riesqa għal fuqha, iżda sfortunatament ma seta’ jagħmel xejn biex isalvaha. Il-katavru tagħha kien wieħed minn fost il-ħamsa li nstabu s’issa, iżda hemm minn tal-inqas disa’ persuni oħra li għadhom ma nstabux.

Il-valanga tat-tajn ġarret kwantitajiet kbar ta’ tajn u tifrik għal distanzi twal u kaxkret magħha djar u karozzi lejn il-baħar. Issa li l-maltemp naqqas wara jiem ta’ xita bla waqfien fin-Nofsinhar tal-Italja, il-livell tal-qerda issa jidher ċar.

Aktar minn 100 pumpier, għaddasha u uffiċjali oħra b’taħriġ speċjalizzat għal dawn is-sitwazzjonijiet jinsabu fuq il-gżira biex jibdew inaddfu t-toroq biex din terġa’ tkun aċċessibbli.

Filwaqt li hija rinomata mat-turisti kif ukoll mat-Taljani li jagħżlu li jqattgħu l-vaganzi fiha, il-gżira hija magħrufa wkoll għad-djar mibnija illegalment. Huwa stmat li madwar nofs ir-residenzi kienu mibnija llegalment u li dawn ma kinux jifilħu għall-qawwa ta’ tali valanga jew terremoti.

Il-Ministru għall-Protezzjoni Ċivili Nello Musumeci f’kumment lil ġurnali qal li l-Italja għandha bżonn pjan serju li jassigura li l-binjiet u l-infrastruttura jkunu jifilħu għal ċertu fenomeni tal-maltemp li qed iżidu fil-frekwenza.

Il-Gvern min-naħa tiegħu approva fond ta’ emerġenza b’€2 miljun tkun is-somma inizjali allokata biex tgħin persuni jerġgħu jibnu djarhom.

Ekonomija

Sport