“Il-patrimonju ekkleżjastiku Malti jifforma parti essenzjali mill-wirt storiku u reliġjuż tal-lokalitajiet Maltin. B’dan ir-restawr se jkun qed jiġi preservat il-wirt li ħallew missirijietna għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet futuri“
Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi waqt konferenza stampa f’Ħal Kirkop, wieħed mil-lokalitajiet li bbenefikaw minn dawn il-fondi biex tiġi rrestawrata l-Knisja ta’ San Leonardu. Huwa qal li l-Parroċċa ta’ Ħal Kirkop qed tibbenefika minn madwar €100,000 ko-finanzjati b’fondi Ewoprej għar-restawr estern tal-knisja. Dan ir-restawr se jsir biex inaqqas l-effett li ħalla ż-żmien fuqha, hekk kif it-tmien faċċati tal-knisja kienu qed jiddeterjoraw.
Ma’ din il-knisja ġew allokati fondi Ewropej addizzjonali biex jiġu rrestawrati 4 knejjes oħra li jinkludu l-Immakulata Kunċizzjoni f’Bormla, il-Kappella ta’ Santa Tereża ta’ Avila fil-Belt Valletta, il-Knisja ta’ Santa Marija tal-Ħlas fiż-Żejtun u l-Knisja ta’ Santa Katerina fiż-Żurrieq. B’dawn ix-xogħlijiet dawn il-knejjes qed jirritornaw fl-istat oriġinali tagħhom biex jitgawdew b’mod speċjali min-nies tal-lokal kif ukoll mit-turisti li jżuru dawn l-irħula. B’hekk qed insaħħu wkoll il-prodott turistiku Malti li jesponi l-wirt kulturali għani ta’ pajjiżna.
Il-Kappillan tal-Parroċċa f’Ħal Kirkop Martin Cardona qal li, “Il-knisja hija d-dar ta’ ħafna fir-raħal ta’ Ħal Kirkop u hija miżmuma b’għożża mill-Koppin. B’hekk dan il-proġett huwa ta’ importanza kbira hekk kif se jippermetti għall-preservazzjoni tagħha”. Spjega li din il-ħidma bdiet xhur ilu hekk kif il-proċess involva ħafna nies u entitajiet iżda r-riżultat se jitgawda minn ħafna aktar nies.