Ma nafx jekk nhar Jum ir-Repubblika, is-Sibt 13 ta’ Diċembru 2025, segwejtx id-Diskors tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika. Jien segwejtu. Jekk ma segwejtux nistiednek takkwistah. Nistiednek tomogħdu u tixtarru. Appell li sinċerament qed nagħmlu b’mod partikolari lil kull min qiegħed f’xi kariga li min-naħa tagħha qed tisilfu xi forma ta’ setgħa. Xi forma ta’ awtorità. Kemm jekk hija waħda politika kif ukoll ta’ tmexxija. Hu min hu. Hi min hi. Appell lil min iħoss li bla ma jikkunsidra biżżejjed jaqbad u jasal għal deċiżjoni.
Se nislet partijiet minn dan id-Diskors u nistiednek tmur quddiem mera. Nistiednek tistqarr miegħek innifsek. Tidħol daħla fik innifsek. Teżamina l-kuxjenza.
Eżempju: Drittijiet soċjali ta’ persuni LGBTIQ+. Fid-Diskors tagħha l-President irreferiet għal riformi li saru fil-liġijiet li ssarrfu f’ugwaljanza dejjem aktar soda fis-soċjetà tagħna fejn jidħlu varjazzjonijiet ta’ ġeneru.
Il-kliem preċiż tal-President: “Hawnhekk nagħmel parentesi żgħira – strettament appell, biex neżaminaw is-sitwazzjoni ta’ tbatija psikoloġika u emozzjonali li jsofru, partikularment żgħażagħ, li jħossuhom priġunieri f’ġildhom stess, u jixtiequ, li jkunu mgħejuna jirrikorru għal interventi ta’ kirurġija ta’ affermazzjoni tal-ġeneru u kura oħra konnessa. Nappella, ejjew ngħinuhom bħalma tajna għajnuniet oħra f’sitwazzjonijiet oħrajn. Ma nħalluhomx jgħixu ħajjithom b’din il-kundanna. Min għadu jbati minn preġudizzji li dallmu s-sentimenti ta’ sapport, il-messaġġ tiegħi huwa wieħed: dawn uliedna wkoll.”
Int li qed naqra x’inhi l-pożizzjoni tiegħek dwar dan is-suġġett? Ma taħsibx li l-President ma kinetx qed titkellem fl-ajru? Ma taħsibx li l-President taf xi affarijiet? Affarijiet li qegħdin jinkwetawha? Kien hemm okkażjonijiet fejn INT, hi x’inhi l-pożizzjoni tiegħek, wasalt għal konklużjonijiet mgħaġġla u li jmorru fid-direzzjoni opposta ta’ dik li ħadet il-President? Għadek tal-istess fehma? Kif tħares lejn il-persuni f’tali sitwazzjoni? Kif tiġġustifika l-pożizzjoni tiegħek jekk din ma tikkunsidrax lil dawn il-persuni bħala wliedna wkoll?
Silta oħra mid-Diskors tal-President. Silta dwar qasam li huwa topiku għall-aħħar: ‘housing’ diċenti.
Il-President qaltilna hekk: “Amministrazzjonijiet differenti ħadu bis-serjetà d-dritt tal-poplu għal ‘housing’ diċenti. Huwa minnu, u ta’ min japprezza, li l-mexxejja tagħna qed iħossu l-preokkupazzjonijiet ta’ ċerta setturi tal-poplu, fosthom iż-żgħażagħ u individwi li għaddejjin minn sitwazzjonijiet ta’ tibdil fl-istatus ċivili tagħhom, u qed jiffaċċjaw problemi ta’ akkomodazzjoni. Irrid insellem ukoll lill-Knisja, li flimkien mal-Istat, b’inizjattiva konġunta, waqqfu l-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, sabiex ikunu indirizzati diffikultajiet konnessi ma’ aċċessibilità għall-‘housing’ diċenti għall-poplu.”
Dan kollu minnu, imma l-President ma waqfitx hemm. Il-President għamlet mistoqsija sempliċi, iffurmata minn tliet kelmiet biss: Qed isir biżżejjed? U lanqas hawn ma waqfet il-President. Wieġbet hi stess: “Sar ħafna, iżda rridu nkomplu bil-ħidma tagħna f’dan il-qasam, speċjalment biex intaffu l-effetti tas-suq fuq min ma jistax ilaħħaq mas-suq.”
U hawn inħoss li naħseb li l-istorja ta’ pajjiżna, mhux daqstant imbegħda, turina li dan huwa episodju li diġà għaddejna minnu. Li diġà kien kumbattut. Li, fl-opinjoni tiegħi, mhux biss ġie kumbattut imma wkoll mirbuħ.
Is-sitwazzjoni tal-lum hija replika ta’ dik li għixna fil-bidu tas-Snin Sebgħin. Fejn ir-regħba tal-iżviluppatur, tal-ispekulatur, kienet qed tgħakkes lill-poplu fejn jidħol ‘housing’. Il-prezzijiet għall-akkomodazzjoni kienu fl-istess sitwazzjoni tal-lum paragunati mal-pagi ta’ dak miż-żmien. Prezzijiet li jġennuk. Prezzijiet li bihom ma kienx faċli ssir sid ta’ darek. Eżatt bħal-lum. Anzi ngħid li llum agħar. Ħares lejn il-prezzijiet għal appartament iffurmat minn kmamar gabubi. Sibli appartament bħal dan li l-prezz mitlub għalih mhux inqas minn terz ta’ miljun ewro.
Huwa minnu, u ta’ min ifaħħar l-inizjattivi li ttieħdu mill-Gvern preżenti u li għadhom fis-seħħ, biex ikunu mgħejuna dawk li jixtiequ li jkollhom proprjetà. Skemi diversi, fosthom dik tal-‘first time buyers’, l-iffrankar ta’ taxxa konnessa ma’ xiri ta’ proprjetà għall-ewwel darba. Imma ma naħsibx li dawn l-inizjattivi, dawn il-miżuri, jipparagunaw biżżejjed ma’ dak li sar minn Gvern Laburista tas-Sebgħinijiet.
Dur dawra mal-irħula u bliet f’Malta u Għawdex u fejn issib l-Oqsma tad-Djar, u se ssib żgur, għid li dawn huma kollha frott ta’ Gvernijiet Laburisti. Dak iż-żmien Gvern Laburista kien qassam eluf ta’ bċejjeċ ta’ art litteralment bi prezzijiet baxxi biex iż-żgħir ikun jista’ jibni daru. Apparti hekk, Gvern Laburista kien bena mijiet ta’ blokok ta’ appartamenti biex jitqassmu b’kera sussidjat.
Imma mhux biss. Gvern Laburista kien ħoloq bank apposta, LOHUMBUS, biex mingħandu ż-żgħir seta’ jissellef flus b’imgħax baxx ħafna, self li kien jinfeda wara 25 sena, biex iż-żgħir ikun jista’ jibni bla ma jissallab. Kien hemm min deherlu li kellu jakkuża lill-Gvern Laburista li kien qed jikkompeti mal-iżviluppatur, mal-ispekulatur. Kienu akkużaw lill-Gvern Laburista li ried ifallihom. Li kien għamel żgur Gvern Laburista kien li kkontrolla r-rgħeba, il-kilba għall-flus, il-ħniżrijiet ta’ prezzijiet.
Illum ninsabu f’dik l-istess sitwazzjoni. Nemmen li Gvern Laburista għandu jikkunsidra dak li kien għamel Gvern Laburista tas-Sebgħinijiet u jerġa’ jkun protagonist biex il-ħaddiem, iż-żgħir, ikompli jsir sid ta’ daru bla ma jaqsam dahru.
Appell lill-Partit Laburista: Tħallix dawn l-affarijiet jintnesew. Fakkarhom ripetutament.

