Sunday, October 27, 2024

Norma Saliba l-ewwel Kap Eżekuttiv taċ-ċentru ġdid tal-Ilsien Malti

Aqra wkoll

Ġie mwaqqaf Ċentru tal-Ilsien Malti li għandu l-għan li jappoġġja l-amministrazzjoni, l-organizzazzjoni u l-operat tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti fit-twettiq tal-politika u l-istrateġija lingwistika għall-iżvilupp tal-ilsien nazzjonali u l-identità tal-poplu Malti.

L-ewwel Kap Eżekuttiv taċ-ċentru se tkun is-Sinjura Norma Saliba li għandha iktar minn 25 sena esperjenza fil-ġurnaliżmu. Fil-ħidma tagħha fil-midja, is-Sinjura Saliba dejjem rat li tħaddem il-lingwa Maltija bl-aħjar mod possibbli, bl-isforzi tagħha kienu ġew rikonoxxuti fl-IĠM Awards tal-2015 meta fost unuri oħrajn rebħet l-unur għall-użu tajjeb tal-Malti.

Stabbilit bis-saħħa ta’ Avviż Legali 201 li ġie ppubblikat illum, iċ-Ċentru tal-Ilsien Malti se jkun qed iwettaq proġetti u inizjattivi għall-promozzjoni, it-tkabbir tal-għarfien u l-użu tajjeb tal-ilsien Malti fosthom b’kollaborazzjonijiet, pubblikazzjonijiet u t-tħaddim tal-internet u għodod diġitali.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li t-twaqqif ta’ dan iċ-ċentru huwa pass importanti ħafna li se jwettaq differenza fejn għandu x’jaqsam il-ħarsien tal-ilsien Malti, partikolarment fl-era diġitali li ninsabu fiha. Il-Ministru Bonnici spjega li meta l-Gvern ikun qiegħed jinvesti biex il-lingwa Maltija titħares u timxi ’l quddiem, ikun qiegħed jinvesti fl-identità nazzjonali u f’wieħed mill-aspetti l-iktar kruċjali li jressaqna flimkien bħala poplu.

Huwa awgura wkoll lill-Kap Eżekuttiv Norma Saliba kull suċċess f’din il-ħidma tant importanti.

Il-ħidma taċ-ċentru se tkun qed tissodisfa fost l-oħrajn il-miri stabbiliti fl-Att dwar l-Ilsien Malti li l-Istat Malti jippromwovi b’kull mezz possibbli l-akbar użu tal-ilsien Malti fl-edukazzjoni, fix-xandir u fl-istampa, fil-qrati u fil-ħajja politika, amministrattiva, ekonomika, soċjali u kulturali.

Sport