Il-bieraħ ittellgħet edizzjoni oħra ta’ Notte Bianca fil-Belt Valletta fejn eluf ta’ nies żaru l-Belt Kapitali Maltija biex igawdu dak li kapaċi toffri l-arti, l-kultura u l-kreattivita’.
Din l-edizzjoni rat ’il fuq minn 70 proġett differenti ta’ mużika, teatru, żfin u forom oħra ta’ arti u divertiment madwar il-Belt Valletta u b’kollox din is-sena kien hemm 350 artist lokali u internazzjonali li pparteċipaw.

B’reazzjoni għal dan il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li “Matul in-Notte Bianca, il-Maltin u t-turisti jkollhom l-opportunità jgawdu l-ġmiel tal-Belt kapitali tagħna: toroq mimlija storja ta’ sekli, is-swar u l-palazzi maestużi tagħha, kollha f’atmosfera ta’ festa b’kuluri, mużika, spettaklu u ikel. Grazzi lil Festivals Malta tal-impenn biex kull sena jorganizzaw dan l-avveniment li jiġbor eluf ta’ nies f’qalb il-Belt Valletta u nagħtu opportunita.”
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra rringrazzja lit-tim ta’ Festivals Malta kif ukoll l-għadd ta’ individwi u entitajiet li kienu ta’ sapport: “Sena wara sena, Festivals Malta tkompli torganizza avvenimenti ta’ kwalità, u l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Notte Bianca ma kinitx eċċezzjoni. Nirringrazzja lil kull min ta’ sehmu biex mill-ġdid dan il-festival kien ta’ suċċess.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius qal li: “Notte Bianca huwa festival uniku fil-portafoll ta’ Festivals Malta u wieħed li n-nies jistennew bi ħġarhom. Nixtieq nirringrazzja lill-artisti li ħadu sehem, lit-tim ta’ Festivals Malta ta’ xogħolhom, lill-forzi tal-ordni għall-appoġġ u l-kooperazzjoni tagħhom biex l-attività tikseb is-suċċess mixtieq, u lill-pubbliku għas-sapport u l-entużjażmu tagħhom għal Notte Bianca.”
Min-naħa tiegħu d-Direttur Artistiku ta’ Notte Bianca Antoine Farrugia stqarr li “Bħal kull sena kellna programm imżewwaq li niżel tajjeb mal-udjenzi tagħna. Kellna rispons pożittiv ħafna u kburi li Notte Bianca, għal sena oħra, kienet waħda ta’ suċċess”.

L-edizzjoni li jmiss ta’ Notte Bianca se ssir is-Sibt 3 ta’ Ottubru 2026. Notte Bianca 2025 ġiet organizzata minn Festivals Malta bis-sapport tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali u b’kollaborazzjoni ma’ Coca Cola, Vibe FM, u European Heritage Days.