Wednesday, January 22, 2025

Novembru jaqta’ l-għatx tar-raba’ iżda xorta kien iżjed xott min-norma

Aqra wkoll

Anke jekk wara n-nixfa tal-ewwel xahrejn tal-ħarifa, ix-xita li niżlet f’Novembru kienet biżżejjed biex taqta’ l-għatx tar-raba’ u tħaddar il-widien, l-ammont ta’ xita mkejla ma kinitx biżżejjed biex taqbeż il-kwota tax-xahar. Fil-fatt, matul ix-xahar li għadda tkejlu 82.8 mm xita, jiġifieri 6.2 mm inqas mill-kwota.

Aktar minn 75% tax-xita mkejla matul Novembru, niżlet fl-ewwel nofs tax-xahar, partikolarment bejn is-sitt u t-tnax-il jum. It-tieni nofs tax-xahar kien iżjed xott, għajr l-aħħar ftit jiem li taw l-ewwel togħma tax-xitwa lill-Gżejjer Maltin. Matul l-istess xahar, resqu fuq il-Gżejjer Maltin żewġ maltempati bis-sajjetti, u dan meta normalment, Novembru jġib miegħu ħames maltempati.

Minkejja l-maltemp fl-ewwel jiem tax-xahar, it-temperaturi baqgħu ogħla mill-medja u niżlu viċin in-norma tax-xahar, u anke ftit inqas, fl-aħħar jiem. Tant hu hekk li t-temperatura medja kienet dik ta’ 18.4°C, jiġifieri nofs grad iżjed min-norma. L-ogħla temperatura laħqet il-25.1°C fl-4 ta’ Novembru. Anke jekk din it-temperatura hija pjuttost sħuna għal dan iż-żmien tas-sena, Novembru tas-sena li għaddiet għandu f’idu r-rekord tal-ogħla temperatura rreġistrata f’dan ix-xahar, jiġifieri 29.1°C.

L-aktar jum kiesaħ tax-xahar li għadda kien il-25 ta’ Novembru, meta mal-lejl it-temperatura niżlet sa 10.1°C. L-inqas temperatura f’dan ix-xahar tkejlet fl-1995 u kienet dik ta’ 5°C. Dawk li jħobbu jgħumu anke wara x-xhur tas-sajf, żgur li nnutaw li l-baħar baqa’ wkoll pjuttost sħun. Fil-fatt, it-temperatura medja kienet kważi żewġ gradi ogħla mill-medja, jiġifieri 23.2°C.

It-temp sabiħ li kkaraterizza ħafna mill-jiem ta’ Novembru, wassal biex tkejlu 11.4 sigħat xemxin iżjed mill-medja. L-aktar jum imdawwal kien l-ewwel wieħed tax-xahar meta tkejlu 9.5 sigħat xemxin, filwaqt li l-11 ta’ Novembru kien l-aktar wieħed imdallam, hekk kif it-temp imsaħħab u l-maltempata ta’ matul il-jum wasslu biex tkejlet inqas minn siegħa waħda xemxija.

Sport