Saturday, December 21, 2024

NSAĦĦU U NĠEDDU L-MUDELL EKONOMIKU EŻISTENTI

Aqra wkoll

Fl-aħħar xhur komplew ħerġin iktar numri dwar l-ekonomija ta’ pajjiżna, numri ġejjin minn studji kontinwi maħdumin minn statisti u esperti fil-qasam li jkunu qegħdin iħarsu mill-qrib kull ċaqliqa minħabba l-effetti li jsegwu u l-varjazzjoni tal-impatt tagħhom.

Il-Kap tal-Opposizzjoni fl-ewwel reazzjoni tiegħu għall-Budget 2024 reġa’ tenna dwar il-bżonn ta’ mudell ekonomiku ġdid u skontu dak imħabbar fil-budget tat-Tnejn huwa kontinwazzjoni ta’ żieda ta’ ħaddiema barranin. Naqblu li fil-prinċipju pajjiżna għandu bżonn li jfittex niċeċ ġodda. Niċeċ li jsaħħu r-rwol ċentrali li s-settur finanzjarju dejjem kellu fl-ekonomija lokali. Niċeċ li jagħtu lil pajjiżna l-opportunità li jimraħ f’setturi emerġenti. F’setturi li l-strutturi eknomiċi, ġeopolitiċi u soċjali ta’ pajjiżna joffru lil pajjiżna opportunità biex inkunu protagonisti. Naqblu li pajjiżna għandu jattira aktar lejn xtutna turist ta’ kwalità. U biex dan jinkiseb, naqblu wkoll li pajjiżna għandu bżonn jara li jimmasimizza t-talent lokali u jimporta ħaddiema ta’ kwalità aktar milli kwantita. 

Però, biex dan jintlaħaq hija dibattibbli s-sejħa għal mudell ekonomiku ġdid. Naqblu li s-sisien tal-ekonomija kurrenti huma sodi. Li kieku dan ma kienx il-każ, pajjiżna kien kun ferm agħar speċjalment wara d-daqqa tal-Pandemija COVID-19 kif ukoll il-gwerra fl-Ukrajina li ma tat l-ebda lok għal nifs ġdid. Li kieku l-mudell ekonomiku kurrenti ma kellux sisien sodi, pajjiżna kien jesperjenza dak li għaddew u għaddejjin minnu pajjiżi ġiren tagħna. Pajjiżi ferm akbar minna. 

M’għandniex bżonn ta’ tabula raza. Aktar milli tiġdid, nemmnu li huwa neċessarju li l-ekonomija Maltija ssaħħaħ dak li nkiseb matul dawn l-aħħar snin u tfittex li timraħ f’niċeċ fejn pajjiżna m’għandux bżonn jivvinta r-rota imma wisq aktar li jisfrutta l-potenzjal li għandu f’setturi bħat- turiżmu, bħall-manifattura, bħad-dinja diġitali u innovativa u jaħseb barra mill-kaxxa jew anke mingħajr il-kaxxa. 

Aktar minn tiġdid, hemm bżonn ta’ enfasi fuq t-taħrig kemm għall- ġenerazzjoni ta’ għada imma wisq aktar tal-lum. Taħriġ lill-ħaddiem barrani li qed jiġi jaqla’ l-ħobza ta’ kuljum f’pajjiżna. 

Azzjonijiet li wara kollox l-gvern diġà qed jaġixxi permezz tal-istrateġiji tiegħu għas-settur turistiku, għas-settur finanzjarju kif ukoll permezz tal-viżjoni ekonomika tiegħu. Il-gvern qed jagixxi permezz tal-upskilling u reskilling. Il-gvern qed jaġixxi permezz tal-introduzzjoni ta’ skills card. Fuq kollox il-gvern qed jagixxi permezz tax-xogħol siewi li qed isir minn entitajiet fosthom l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali.

Grech ikkritika wkoll lill-gvern u qal li m’għandux pjan fit-tul u sostna li partit immexxi minnu jkollu viżjoni fit-tul ta’ fejn sejjer. Hawnhekk ma nistgħux ma nirreferux għal dak li qalilna l-ekonomista u eks Prim Ministru Joseph Muscat fejn ma’ dan il-ġurnal fakkar dwar il-pjan strutturali għal Malta li kien sar fid-disgħinijiet kien ġie stuprat għax tant kien fih dettalji li biż-żmien ġie miksur kollu kemm hu. 

Nemmnu li pajjiżna jista jippjana fejn jixtieq jasal fl-2035 imma kif se tkun taf mil-lum x’se jkunu l-bżonnijiet tan-nies dakinhar? Qabel il-pandemija min ħaseb li wieħed mill-oqsma ewlenin tal-ospitalità f’Malta se jkun id-delivery service meta ħadd ma kien jieħu delivery forsi kien hawn ftit take away u hekk? 

Naqblu ma’ dan il-ħsieb u għalhekk lil hinn min-negattività, dan il-budget kompla jikkonferma l-għaqal ta’ gvern li fl-aħħar mill-aħħar quddiem sfidi kbar internazzjonali kien kapaċi jiddeċiedi fl-aħjar interess tal-poplu. Iddeċieda li jilqa’ għad-daqqiet u mhux jixħethom fuq in-nies. Fl-aħħar mill-aħħar in-nies jimpurtahom mill-implimentazzjoni ta’ dawk li verament huma miżuri li jtejbulhom il-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Ekonomija

Sport