Thursday, December 26, 2024

Numru ta’ badgers joħolqu kaos fl-Olanda … Jitħarbat is-servizz tal-ferroviji

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Għexieren ta’ passiġġieri fl-Olanda se jkunu qed jaffaċjaw dewmien meta jiġu biex jivvjaġġaw bil-ferroviji. Dan minħabba li riċentament fl-Olanda, partikolarment f’żewġt ibliet ewlenin, Den Bosch u Eindhoven, inħoloq kaos wara li annimali magħrufa bħala badgers ħaffru bejta taħt linja tal-ferrovija ewlenija fil-pajjiż.

Il-badgers, li huma annimali żgħar u li għandhom ċertu xebh mal-ġrieden, huma magħrufin għat-tħaffir. Appena ħaffru “d-dar tagħhom” inħoloq paniku kbir fost l-individwi li jagħmlu użu mill-ferroviji għaliex hemm tħassib serju li dawn il-badgers setgħu dgħajfu l-art minn fejn tgħaddi l-ferrovija.

Din l-informazzjoni ntqalet ProRail, kumpanija Olandiża li tieħu ħsieb il-manutenzjoni u n-network infrastrutturali tal-ferroviji. Hija żiedet tgħid li dawn it-tip ta’ annimali huma protetti bil-liġi u li dawn għandhom jitneħħew qabel ma jibdew t-tiswijiet meħtieġa sabiex ma tkomplix tinħoloq iżjed ħsara fir-rotot tal-ferroviji. Intant, Aldert Baas, kelliem għal din il-kumpanija, qal li minkejja li l-badgers huma sbieħ, dawn qegħdin joħolqu problema kbira fuq is-sigurtà tal-ferroviji.

Il-Gvern Olandiż qal li din il-problema qiegħda taffettwa madwar 50,000 persuna li ta’ kuljum jagħmlu użu mis-servizz tal-ferroviji. Il-Gvern spjega li sakemm jissolva dan l-inkonvenjent, dawk il-persuni li s-soltu jivvjaġġaw bil-ferroviji u jgħaddi mir-rotta indikata hawn fuq, ġew mgħarrfa biex temporanjament jew jirrikorru għall-karozzi tal-linja jew inkella jibqgħu jużaw il-ferroviji però b’rotta differenti minn tas-soltu li qed tieħu bejn nofs siegħa jew siegħa iżjed minn dik preċendenti.

Dan filwaqt li sostna li l-pjan ewlieni hu li tinħoloq triq fejn il-badgers ikunu jistgħu joqogħdu f’post ‘il bogħod minn fejn tgħaddi l-ferrovija bil-għan li s-servizz ikun wieħed sigur u b’hekk jirritorna lura għan-normal.

Ekonomija

Sport