Erba’ persuni tilfu ħajjithom filwaqt li sebgħa jinsabu rrapportati nieqsa wara inċident li seħħ f’minjiera tal-faħam fin-Nofsinhar tal-Polonja. Skont l-ewwel rapporti li ħarġu dwar dan il-każ jidher li inċident seħħ minħabba ħruġ ta’ gass metanu.
Il-proprjetaru tal-minjira JSW (JSW.WA) qal li probabbilment l-isplużjoni fil-minjiera ta’ Pniowek seħħet ftit wara nofsillejl u f’fond ta’ 1,000 metru. Hu mifhum li b’kollox kien hemm 42 ħaddiem fil-ħin li seħħet l-isplużjoni u minnhom 21 ttieħdu l-isptar. Il-maġġoranza ta’ dawk li ttieħdu l-isptar kienu qed isofru minn ħruq estensiv.
L-uffiċjali Pollakki qalu li l-qraba tal-ħaddiema li sfaw vittma ta’ dan l-inċident qegħdin jingħataw l-għajnuna minn psikologi.