Friday, June 14, 2024

Numru ta’ proġetti f’Għawdex jibbenefikaw minn skemi ta’ finanzjament għall-għaqdiet volontarji

Aqra wkoll

Matul din is-sena u s-sena li għaddiet, diversi għaqdiet volontarji Għawdxin, fosthom soċjetajiet mużikali u oħrajn fis-settur tal-inklużjoni, ibbenefikaw minn madwar €110,000 f’fondi permezz tal-iskemi ta’ finanzjament Volontary Organisations Projects Scheme (VOPS) u Small Initiatives Support Scheme (SIS). Dawn l-iskemi ta’ finanzjament huma mmexxija mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat.

Bħalissa qed jintlaqgħu l-applikazzjonijiet taħt l-iskema VOPS għall-proġetti li se jitwettqu fl-2024 u l-fondi allokati huma ta’ €800,000.

Dan ħabbritu l-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, waqt żjara li għamlet f’Għawdex li matulha żaret diversi għaqdiet volontarji li bbenefikaw miż-żewġ skemi. Fost l- għaqdiet li żaret il-Ministru Farrugia Portelli kien hemm is-Soċjetà Filarmonika Santa Marija Żebbuġ, l-Oratorju Don Bosco, li bbenefikaw minn numru ta’ proġetti taħt iż-żewġ skemi, u l-għaqda Dreams of Horses.

“Il-qasam tal-volontarjat dejjem ikkunsidrajnieh bħala wieħed mill-pilastri tas-soċjetà Maltija u Għawdxija. Il- volontarjat, li huwa mifrux mal-pajjiż kollu u tista’ tgħid f’kull qasam tal-komunitajiet, huwa polz mill-aqwa li jurik l-mod li bih ikunu qegħdin jirreaġixxu l-komunitajiet diversi. Huwa għalhekk li nemmnu fih bil-qawwa kollha. Huwa għalhekk li dejjem konna ta’ spalla għalih u hekk se nibqgħu nkunu. Dawn iż-żewġ skemi partikolari huma prova tad-determinazzjoni tagħna għal dan il-qasam,” stqarret il-Ministru Farrugia Portelli.

Il-Ministru nnotat b’sodisfazzjon li l-iskema VOPS li hemm miftuħa bħalissa qed tenfasizza aktar fuq l-inklużjoni biex kemm jista’ jkun ebda persuna, ikunu x’ikunu d-diffikultajiet li tkun qed tiffaċċja, ma titħalla taqa’ lura.

“L-għajnuniet finanzjarji li nagħtu taħt dawn l-iskemi nikkunsidrawhom bħala investiment fi proġetti li ma jkunux momentarji imma li jibqgħu jirrendu tul iż-żmien,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Mauro Pace Parascandalo spjega li bħalissa qed jirċievu l-applikazzjonijiet għall-proġetti li se jiġu attwati s-sena d-dieħla u jinkludu inizjattivi differenti bħal proġetti fil-komunità, inizjattivi ta’ infrastruttura jew riċerka. “Inħeġġu lill-għaqdiet sabiex jissottomettu bi ħġarhom proġetti li minnhom jibbenefikaw il-komunitajiet lokali,” temm jgħid is-Sur Pace Parascandalo.

L-applikazzjonijiet għall-iskema VOPS ta’ din is-sena jibqgħu jintlaqgħu sa nofsinhar ta’ nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Ottubru 2023. L-għaqdiet volontarji kollha li huma reġistrati u konformi mal-Kummissarju għall- Organizzazzjonijiet Volontarji huma eliġibbli għall-fondi. Aktar informazzjoni tinsab fuq maltacvs.org u vofunding.org.mt.

Ekonomija

Sport