Sunday, December 22, 2024

Nuqqas ta’ ħaddiema … l-Awstralja se terġa’ tiftaħ għall-emigrazzjoni

Aqra wkoll

Għall-ewwel darba f’għaxar snin, l-Awstralja se tgħolli l-limitu għad-dħul ta’ immigranti permanenti biex tpatti għall-problema ta’ nuqqas kbir ta’ ħaddiema.

Il-pandemija u l-politiki iebsa dwar il-fruntieri tal-Awstralja aggravaw il-problema tan-nuqqas ta’ ħaddiema f’ħafna setturi ekonomiċi u biex tgħin ittafi din il-problema, din is-sena l-Awstralja se tieħu sa 195,000 immigranti. 

Ħaddiema minn pajjiżi bħaċ-Ċina, l-Indja u r-Renju Unit huma l-ogħla sors ta immigrazzjoni tal-Awstralja u huma wkoll meħtieġa biex jimlew il-postijiet tax-xogħol li għalihom m’humiex jinstabu ħaddiema lokali biżżejjed.

Bħal issa hemm aktar minn 480,000 post tax-xogħol vakanti madwar il-pajjiż kollu, iżda bil-livell baxx ta’ qgħad fi kważi 50 sena, dawk li jħaddmu qed jitħabtu bis-sħiħ biex jimlew l-vojt kaġunat min-nuqqas ta’ ħaddiema.

L-industriji tal-ospitalità, il-kura tas-saħħa, l-agrikoltura u l-kummerċ intlaqtu partikolarment ħażin. Din is-sitwazzjoni kienet kkonfermata waqt summit nazzjonali dwar l-impjiegi f’Canberra li sar din il-ġimgħa fejn ssemma wkoll kemm in-nuqqas ta’ ħaddiema poġġa taħt pressjoni kbira s-servizzi tas-saħħa fl-isptarijiet.

Skont il-Ministru tal-Intern tal-Awstralja Clare O’Neil, l-awtoritajiet tal-pajjiż dejjem iffukaw l-ewwel fuq l-impjiegi Awstraljani iżda l-impatt tal-pandemija tal-Covid 19 kien tant qawwi li anke minkejja kull possibilita u tentattiv li sar, xorta baqa jinħass ħafna n-nuqqas ta’ eluf ta’ ħaddiema. 

Fil-fatt, in-nuqqas ta’ ħaddiema inħass sew ukoll fl-ajruporti li kważi wasslu għal kaos, filwaqt li l-frott tħalla jitħassar fuq is-siġar.

Il-migrazzjoni permanenti telgħet għal madwar 190,000 fis-sena f’nofs l-2010 iżda dan l-ammont tnaqqas fl-2017. L-immigrazzjoni saret iċ-ċentru ta’ dibattitu politiku bin-negozjanti u l-unjins tal-ħaddiema jinsistu għal aktar immigranti biex jintlew il-postijiet taax-xogħol.

Il-ħtieġa tal-immigrazzjoni tinkludi 4,700 post addizzjonali għall-ħaddiema fil-kura tas-saħħa u 9,000 oħra għal nies li jiċċaqilqu lejn żoni reġjonali. Aktar minn miljun ruħ kienu emigraw lejn l-Awstralja mill-2016. 

L-Awstralja kienet naqqset, jew kważi għalqet għal kollox l-immigrazzjoni matul il-pandemija. Il-gvern issa wiegħed 36 miljun dollaru Awstraljan biex jgħin tittaffa din il-problema anki fl-ipproċessar tal-viża.  

Iċ-ċensiment tal-Awstralja żvela għall-ewwel darba li aktar minn nofs il-popolazzjoni twieldet barra mill-pajjiż jew huma wlied ta’ ġenituri li ma twieldux fl-Awstralja.

Ekonomija

Sport