Saturday, November 16, 2024

Nuqqas ta’ rispett u sens ta’ odju lejn l-edukaturi

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Edukaturi jgħidu li s-sitwazzjoni tagħhom sejra mill-ħażin għall-agħar… Soluzzjoni sempliċi, m’hemmx!

Ilna ħafna snin nisimgħu li pajjiżna għandu nuqqas ta’ edukaturi u din is-sitwazzjoni, għalkemm mhix f’Malta biss, hija inkwetanti minħabba li din il-professjonisti hija l-qafas li jagħti l-pedament għall-ġenerazzjonijiet futuri. Il-problemi f’dan is-settur huma ħafna u ilhom jintirtu minn amministrazzjoni għall-oħra. Ħafna edukaturi jħossu li s-sitwazzjoni tagħhom qiegħda tiggrava kemm mil-lat ta’ nuqqas ta’ rispett lejhom bi kliem ta’ odju fuq il-midja soċjali, kif ukoll mil-lat ta’ insostenbbiltà fix-xogħol li jridu jagħmlu u dan anke qiegħed iwassal għal nuqqas ta’ fiduċja fl-istess unjins li jirrapreżentawhom. Dan is-sit tkellem ma’ għadd ta’ edukaturi lokali fejn il-maġġoranza assoluta tagħhom jaqblu li m’hemmx soluzzjoni sempliċi għall-problemi kollha li jiffaċċjaw u jemmnu li biex nibdew insolvuhom, hemm bżonn li npoġġu lill-edukaturi u lill-edukazzjoni fiċ-ċentru tal-istess sistema edukattiva.

L-edukaturi jafu li l-poplu in ġenerali m’għandux idea tax-xogħol tagħhom fejn, biex tasal għal din il-professjoni, hemm bżonn ta’ studju rigoruż u l-idea li x-xogħol jieqaf kif joħorġu mill-għatba tal-iskola, hija kompletament żbaljata. 

Huma jħossu li ma jistgħux jagħmlu wisq mal-istudenti mingħajr l-għajnuna tal-ġenituri mid-dar u jagħtuna xenarju ideali, fejn il-ġenituri u l-għalliema jaħdmu id f’id. Barra minnhek l-edukaturi jaċċennaw għall-punt li wieħed irid jifhem li llum il-ġurnata fil-klassi hemm ħafna tfal bi bżonnijiet differenti fost l-oħrajn diżabbiltajiet, nuqqas ta’ komunikazzjoni minħabba lingwi differenti, kif ukoll differenzi kulturali u sitwazzjonijiet soċjali ta’ kull tip. Dawn, minnhom infushom, jagħmlu x-xogħol tal-edukaturi wieħed impenjattiv ħafna tant li l-għalliema m’hiex tlaħħaq ma’ kulħadd.

It-tagħlim sar professjoni għal ftit nies

L-edukaturi li tkellmu ma’ dan il-ġurnal iħossu li m’humiex apprezzati għax-xogħol li jagħmlu. Anzi, jemmnu li m’humiex rikonoxxuti u ħafna ma japprezzawhomx. Huma jħossu li it-tagħlim sar professjoni għal ftit nies li wara xogħol iebes ta’ xahar, jirċievu l-paga u jgħidu li, forsi huwa aħjar għalihom li jmorru jaħdmu f’uffiċċju minflok.

“Hemm uħud li jaslu anke jirredikolawna jew jeħduha kontrina. Jużaw lingwaġġ goff u jiktbu messaġġi disprejġattivi fis-siti soċjali. Jekk tara l-Facebook tirrealizza li ħafna ġenituri u nies hemm barra jobogħduna u jekk nippruvaw nitkellmu għad-drittijiet tagħna, kulħadd joħroġ l-odju lejna u jattakkawna,” sostna edukatur.

Fost kliem ieħor ta’ odju li rajna dan l-aħħar indirizzat lejn dawn il-professjonisti li jaħdmu mat-tfal tagħna huma “kankru tas-soċjetà”, “ħaqqhom il-forka”, “imisshom jistħu” u “babysitters”. Kummenti bħal dawn, bla ebda dubju, juru li l-edukaturi f’Malta m’humiex rispettati.

L-edukaturi jappellaw biex l-adulti jkunu ta’ eżempju għat-tfal billi fost l-oħrajn jirrispettaw lill-edukaturi. Huma jħossu l-ħtieġa li jkun hemm bilanċ u dixxiplina minħabba li l-istudenti ngħataw wisq arja. “Hemm xi nies fis-soċjetà li għalihom l-edukaturi huma babysitters, meta fil-verità huma stess ma jimxux sew ma’ wliedhom,” sostna edukatur minnhom.

Wisq xogħol u ħafna nuqqasijiet

“Waħidna ma nistgħux nagħmlu wisq biex insolvu problemi bħal din. L-għalliema tjiebu fis-sistemi tagħhom iżda s-settur edukattiv mar lura. M’humiex jafdaw lill-għalliema, ibiddlu u jivvintaw affarijiet ġodda u mhux jingħata lok għall-immaġinazzjoni,” komplew jgħidu l-edukaturi. 

Fost problemi li smajna fil-linja tax-xogħol ta’ dawn il-professjonisti, hemm hemm nuqqas ta’ spazju fil-klassijiet, reading corner u calming corner; nuqqas ta’ riżorsi, nuqqas ta’ staff; nuqqas (mhux dejjem) ta’ iġene; nuqqas ta’ għaqda bejn l-edukaturi stess; monitoraġġ żejjed fuqhom; nuqqas ta’ stima fihom infushom u l-professjoni tagħhom; kif ukoll il-problema ta’ ħafna barranin fil-klassi li lanqas jafu bl-Ingliż, aħseb u ara bil-Malti. Fil-lingwa, it-tfal barrranin qegħdin ibatu biex jifhmu l-lezzjonijiet fil-klassi minħabba li sena fil-learning hub għal uħud mill-istudenti, m’hiex biżżejjed. 

F’kull skola, fl-opinjonijiet miġbura, għandu jkun hemm nurture room u food lab li żgur l-istudenti u anke l-edukaturi se jibbenefikaw minnhom. Uħud semmew li għandu jkun hemm ċentri apposta għal tfal bi bżonnijiet speċjali bi programmi għall-ħtiġijiet tagħhom u jkunu ma’ sħabhom fl-istess ħin. 

L-għalliema jħossu l-bżonn ta’ persuni li jifhmuhom, jingħataw is-support fiżiku u r-riżorsi meħtieġa biex iwettqu x-xogħol tagħhom. Dan jgħodd għall-edukaturi kollha, inklużi l-LSEs li ta’ kull sena jagħmlu ħafna riżorsi minn buthom biex jagħtu l-aħjar support lill-istudenti tagħhom.

L-edukaturi qalu m’humiex ilaħħqu mal-ħafna riformi li saru f’salt u li ftit li xejn raw bidla pożittiva fl-assessjar tat-tagħlim li ġie introdott. “Qabel ma ddaħħal bidla, hemm bżonn li naraw li se jkollha l-benefiċċji tagħha, mhux taqbad u ddaħħalha. Hemmaffarijiet tajba, imma xi affarijiet li kif kienu qabel, kienu jagħmlu aktar sens. M’hemmx ukoll ħin biżżejjed għas-sillabu u mhux it-tfal kollha jitgħallmu bl-istess mod,” sostna wieħed mill-edukatur.

Fl-ilmenti tagħhom jispikka l-fatt li s-sillabi huma vasti wisq u li m’humiex ilaħqu magħhom, kif ukoll il-ħtieġa li ċerti suġġetti jinbidlu u jinkorporaw suġġetti aktar konformi maż-żminijiet tal-lum. Fl-opinjoni tagħhom, hija problema li tneħħew l-eżamijiet ta’ nofs is-sena minħabba li t-tfal m’humiex jistudjaw. 

Filwaqt li nnotaw li l-iskejjel privati m’humiex jitqiesu tal-istess livell tal-oħrajn, l-edukaturi kkonfermaw kemm il-Gvern qiegħed jinvesti f’ħafna riżorsi u jisħqu li tal-Knisja u dawk Indipendenti għandhom jagħmlu l-istess. Dawn l-edukaturi qalu li l-kors tal-Masters li jagħmlu, fih wisq teoriji li ma jintużawx fil-klassi u fl-opinjoni tagħhom ikun ta’ aktar ġid jekk isir xi tibdil fl-istess kors. Barra minnhekk hemm bżonn li jkollhom aktar opportunitajiet ta’ taħriġ u li jkollhom sessjonijiet ta’ terapiji biex jiżvogaw. B’dan il-mod ikun hemm inqas każi ta’ edukaturi li jsofru mill-burn out.

Huma jixtiequ li jkun hemm inqas xogħol ta’ kitba (paperwork), tkun eliminata l-burokrazija żejda u li jkunu inklużi f’diskussjonijiet mal-awtoritajiet anke għall-fatt li m’humiex ikunu mgħarrfa bit-tibdiliet li minn żmien għal żmien isiru.

Fl-aħħar huma jitolbu li ssir kampanja favur l-edukazzjoni u dwar ix-xogħol tagħhom bil-għan li jerġa’ jinkiseb ir-rispett lejhom.

IN TEXT QUOTE BREAKS:

“Nagħmel x’nagħmel se naqagħlha żgur!”

“Ma jistax ikun li d-deċiżjonijiet kollha jittieħdu min-nies li ilhom snin ma jirfsu l-għatba tal-klassi!” 

IN BOX UPPER PART OF PAGE FOR PROMINENCE PLEASE + logos mut & upe

“L-unjin hija tajba sakemm tara verament l-interess tal-ħaddiema”

L-edukaturi li tkellmu ma’ L-ORIZZONT elenkaw lista xokkanti ta’ diffikultajiet li jridu jiffaċċjaw ta’ kuljum biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum tagħhom u tawna stampa intima u reali ta’ kif inhuma fil-verità l-affarijiet wara l-bibien magħluqa tal-iskejjel. Fl-opinjoni tagħhom, l-affarijiet ftit li xejn sejrin ‘il quddiem. Kienu ftit dawk li qalu li hemm affarijiet tajba u li hemm barra n-nies jirrispettaw dak li jagħmlu mal-istudenti tagħna. Huma jisħqu li, jekk jibqgħu ma jiġux ikkonsultati u mismugħa, żgur li mhux se tinqaleb il-paġna għal xenarju pożittiv fil-linja professjonali tagħhom. 

Fuq dan l-isfond dan il-ġurnal staqsa dwar ir-rappreżentanza trejd unjonistika lokali fis-settur edukattiv fejn f’Malta l-unjin ewlenija hija l-Malta Union of Teachers (MUT) bil-maġġoranza ta’ membri u dik li twieldet fis-snin riċenti, l-Unjin tal-Edukaturi Professjonisti (UPE). 

Għal dawn l-edukaturi, il-unjins huma importanti għax huma l-vuċi tagħhom fejn anke taħt dan il-Gvern Laburista taw spinta fil-pagi tagħhom u għalihom, dan juri li m’humiex minsija mis-soċjetà. Kien hemm kritika li però, l-aħħar ftehim settorjali seta’ kien aħjar fejn edukatur stqarr li, “l-unjin li ffirmatu kkuntentat ruħha bix-xejn, mentri l-unjin il-ġdida (b’referenza għall-UPE) qiegħda toħroġ aktar għonqha għall-edukaturi”. 

Għalliema oħra sostniet li l-MUT sejra mhux ħażin għax qiegħda tipprova tgħaqqad l-istakeholders kollha fejn żiedet li, “l-unjin qiegħda tipprova tisma’ lill-edukaturi u tieħu l-passi li ma jkunux drastiċi. L-unjin hija importanti ħalli tara x’għandna xi ngħidu u mbagħad tiddiskutihom mad-Dipartiment”.

L-edukaturi qablu li hemm bżonn li min jirrappreżentahom ikunu edukaturi huma nfushom li jaħdmu fil-klassijiet biex jaraw ir-realtà fl-iskejjel u d-diffikultajiet li jkollhom l-edukaturi. “Iridu jaraw u jmissu b’idejhom il-ħajja fl-iskola ta’ kuljum. L-unjin hija tajba sakemm tara verament l-interess tal-ħaddiema membri li jridu rispett u fiduċja lejhom bħala professjonisti u importanti li ma jibżgħux jaqbżu għalihom. Huma ta’ sapport, imma nħoss li huma jdejhom marbuta u ma jistgħu jagħmlu xejn,” spjega edukatur minnhom. Fl-opinjoni tiegħu l-unjins jixtiequ jaqbżu għalihom f’ċerti perjodi bħalma għandna bħalissa bil-pandemija jew f’każijiet ta’ inġustizzji, kif ukoll li joffru l-ideat tal-għalliema lill-Gvern.

Huma sostnew li unjin hija bżonnjuża biex isaħħaħ il-professjoni għax in-nies pronti biex jikkritikaw. Bil-ħidma tagħha, unjin li tirrappreżentahom tista’ toffri alternattivi aħjar għall-ħaddiema u biex ma jkunx hemm abbużi. “Jekk unjin timxi b’mod serju, il-poplu jara l-importanza tal-edukaturi u s-settur jissaħħaħ, kif ukoll ikollu aktar is-sapport u r-rispett li jistħoqqlu,” komplew l-edukaturi.

Fl-aħħar mill-aħħar l-edukaturi jemmnu li l-unjins li jirrappreżentawhom għandhom iġibu ruħhom ta’ rappreżentanti tal-edukaturi, jisimgħuhom u jaġixxu skont il-ħtieġa u x-xewqat tagħhom. “Unjin tajba hi essenzjali għall-ħaddiem u huma l-uniku mezz fis-sitwazzjoni li qegħdin fiha, imma unjin li tkun qrib wisq id-Dipartiment hija eħżen milli ma jkollokx unjin. Hemm bżonn li nkunu rappreżentati b’mod xieraq u mhux ta’ taparsi. Ma jistax ikun li mal-ewwel intopp, inċedu.” 

Għadd ta’ edukaturi stqarru li tilfu kull fiduċja li kellhom fil-unjins u li xi kultant iħossu li l-istess rappreżentanti jagħmlu s-sitwazzjoni agħar għall-edukaturi.

Ekonomija

Sport