Friday, February 20, 2026

Nuqqas ta’ rispett żġur…u forsi aktar

Aqra wkoll

Ftit tal-ġranet ilu l-Avukat Franco Debono tella’ ‘post’ fuq Facebook li kien jitratta l-kwistjoni dwar il-ħatra ta’ Prim Imħallef. Mhux se nidħol fil-mertu tagħha, imma nħoss li għandi nirrimarka għal dak li kiteb l-Avukat Debono għax sinċerament bħala ċittadin Malti urtani.

L-Avukat Debono fil-bidu tal-kumment tiegħu rrefera għall-Kummissjoni Venezja u dak rakkomandat minnha. Taqbel jew ma taqbilx miegħu f’li qal irrelevanti għall-punt tiegħi. Li dejjaqni u li urtani minn dak li kiteb l-Avukat Debono huwa dan li ġej:

“Imma apparti minn hekk, il-President (b’referenza għall-President tar-Repubblika) ma tagħmilx waħda tajba. Trid tiżżattat u tindaħal f’kollox anke fejn mhux suppost u fejn ma tifhimx, pero’ kif inqalgħet sitwazzjoni fejn setgħet tkun utli, issuppervjat u sparixxiet. Affarijiet ma jitwemmnux.

“F’kollox trid tiżżattat iżda għax il-Kap tal-Oppożizzjoni talabha tkun preżenti għad-diskussjonijiet dwar il-Prim Imħallef, għax milli qed  nifhem mhux jafda lill-Prim Ministru, minflok rat kif għamlet biex timmedja tathom il-ġenb!

“Issa daqt tarawha tiżżattat f’kull ħaġa li m’hemmx għalfejn. Pero’ għax darba waħda setgħet tkun utli qalet le. Kollox bil-maqlub tagħmel. Fil-ħames snin sħaħ li se tagħmel President mhux se tinqala’ okkażjoni oħra fejn setgħet tkun utli daqs din. Iżda rrifjutat!”

Ma kontx nistenna dan mingħand bniedem li,  bir-rispett kollu, inħoss li jikkunsidra lilu nnifsu bħala li mingħajru d-dinja ma ddurx. Għalija kliem bħal dak kwotat kelma b’kelma huwa insolenti u dispreġjattiv. Għalija huwa aktar minn nuqqas ta’ rispett lejn l-ogħla kariga fil-pajjiż, il-President tar-Repubblika.

Ngħid ‘aktar minn nuqqas ta’ rispett’ għax fil-verità inħoss ukoll li dan huwa kliem li jirrifletti ksuħat u litteralment inġazz.

Ma nafx inti x’taħseb.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport