Monday, December 9, 2024

Nuqqasijiet f’dikjarazzjonijiet għas-sisa fuq il-birra… bidla għal kontroll aktar effettiv

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem fis-suq tal-barijiet inbdiet spekulazzjoni dwar il-prezz tal-birra. L-ispekulazzjoni kienet tgħid li dań il-prodott kien se jogħla fil-prezz minħabba tibdil fir-rata tas-sisa fuq il-birer. L-ispekulazzjoni mal-birer daħħlu ukoll il-luminati. Jirriżulta li t-tibdil mhux se jkun fir-rata tas-sisa imma fil-kalkolu ta’ kif tinġabar is-sisa fuq il-birer. Din is-sistema l-għan tagħha hu li d-dazji tas-sisa jallinjaw mal- kontenut tal-alkoħol, b’impatt finanzjarju minimu għan-negozji, b’mod partikolari dawk li jipproduċu birra b’saħħa alkoħolika aktar baxxa.

It-tibdil li se jsir  jipprovdu tibdil minn sistema ta’ ‘grad Plato’ għal kalkolu tal-perċentwal tal-alkoħol skont il-volum (ABV%) għad-dazji tas-sisa. Din il-bidla tissimplifika u ssaħħaħ il-konformità u ttejjeb il-preċiżjoni fid-dikjarazzjonijiet tad-dazju. Fil-każ ta’ Birra: fejn ir-rata qadima kienet  €1.93 għal kull ettolitru kull grad Plato issa ir-rata l-ġdida se tkun ta’  €4.60 għal kull ettolitru bbażat fuq ABV%. Fejn jirrigwarda birra minn birreriji indipendenti żgħar u din tapplika għall-birreriji bi produzzjoni taħt il-200,000 ettolitru fis-sena, ir-rata  l-qadima kienet ta’  €0.965 għal kull ettolitru kull grad Plato u issa ir-rata l-ġdida telgħet għal  €2.30 għal kull ettolitru bbażat fuq ABV%.  Birra mħallta ma’ xorb mhux alkoħoliku u birra taħt 3.5% ABV, ir-rata l-qadima kienet ta’ €0.45 għal kull ettolitru kull grad Plato u r-rata ġdida issa hi  €0.54 għal kull ettolitru bbażat fuq ABV%.”

Is-sistema li permezz tagħha kienet tinġabar it-taxxa tas-sisa fuq il-birer, kienet qiegħda twassal għal sitwazzjoni fejn importaturi jispiċċaw b’diskrepanzi fid-dikjarazzjonijiet tagħhom u anke inħarġu kważi nofs mijlun Ewro f’multi. Il-mod kif kienet is-sistema kien hemm kumplikazzjonijiet u dewmien biex l-awtoritajiet jagħmlu l-verifiki tagħhom. Bil-għan lij kun hemm titjib fl-infurzar u jiġu trattati in-nuqqasijiet, se tkun qiegħda ssir riforma ta’ kif tiġi kkalkulata is-sisa fuq il-birer. Diversi importaturi tal-birer, meta tkellmu ma’ IT-TORĊA qalulna li din ir-riforma m’għandhiex tħalli effett negattiv fuq il-prezzijiet tal-birra. 

Il-Malta Tax and Customs Administration f’kummenti lil “IT-TORCA’  qalulna li “s-sistema eżistenti ibbażata fuq il-metodu tal-grad Plato għad-determinazzjoni tad-dazju tas-sisa fuq il-birra żvelat diversi nuqqasijiet kritiċi fl-iżgurar ta’ dikjarazzjonijiet preċiżi, b’mod partikolari għall-importaturi li jġibu l-birra permezz ta’ kummerċ paralleli aktar milli direttament mill-kumpaniji tal-manifattura. Minħabba informazzjoni insuffiċjenti pprovduta minn dawn il-fornituri, ħafna importaturi jispiċċaw b’diskrepanzi fid-dikjarazzjonijiet tagħhom. Bejn il-perjodu 2022 u 2023 dan irriżulta f’riperkussjonijiet finanzjarji sinifikanti, inkluż total ikkombinat ta’ €472,600 f’penali tas-sisa u €14,683 f’multi tal-VAT. Għaldaqstant permezz tal-Budget 2025 se jiġi adottat mekkaniżmu ġdid tas-sisa biex jippromwovi preċiżjoni u ekwità akbar fis-suq kollu. Din is-sistema aġġornata tallinja mad-Direttiva tal-Kunsill Ewropew 92/83/KEE u tintroduċi rata tas-sisa mnaqqsa għall-birer b’kontenut ta’ alkoħol b’volum (ABV) taħt it-3.5%, li trawwem approċċ aktar konxju mis-saħħa billi tinċentiva għażliet ta’ alkoħol aktar baxx.”

Tennew li “s-sistema l-ġdida, li tiffoka fuq il-kontenut alkoħoliku aktar milli l-gradi Plato, timmarka pass kruċjali lejn it-trasparenza u l-ekwità fl-industrija kollha, filwaqt li ssaħħaħ l-istandards li jiskoraġġixxu prodotti b’alkoħol għoli. Analiżi ta’ diversi marki ta’ birra importati tindika li l-maġġoranza tan-negozjanti se jaraw impatti pożittivi minn din il-bidla.  Barra minn hekk, dan il-mekkaniżmu rivedut se jtejjeb il-kapaċitajiet ta’ infurzar. Billi jelimina l-ħtieġa li l-uffiċjal ikollu jirrikorri għall-korrispondenza ma’ stati membri oħra minħabba in-nuqqas tal-kejl tal-grad Plato b’riżultat ta’ dewmien fid-deċiżjoni għad-detriment tan-negozji u b’hekk, is-sistema se tippermetti lill-uffiċjali jwettaq il-kontrolli b’mod aktar rapidu u effettiv.”

IT-TORĊA tkellmet ukoll mal-kumpanija Farsons, li timmanifattura l-birra f’pajjiżna. Staqsejnihom fuq din il-bidla kif se taffettwahom u x’effett se jkun hemm fuq il-konsumaturi. Huma qalulna li dak li qiegħed isir hu bilda fil-metodu tal-kalkulazzjoni tas-sisa fuq l-alkohol fil-birra. Dak li qiegħed isir maux żieda fir-rata tas-sisa. Fejn jidħlu l-luminati din il-metodu m’għandu ebda relevanza għax hu ristrett għal birra. Il-miżura hi intiża li tiffaċilita l-kalkulazzjoni u l-l-ġbir tas-sisa”. 

Importatur li tkellem ma’ IT-TORCA qalilna li “konna infrumati b’dan li se jsir. Is-sistema u r-rati jvarjaw. Jista’ jagħti l-każ li f’xi każi se jkun hemm birer li jkollhom jogħlew fil-prezz. Jista’ jkun hemm oħrajn li jibqgħu l-istess u anke jorħsu. Diġa kellna żieda riċenti f’xi prezzijiet ta’ birer u luminati. Bħal kull ħaġa oħra fis-suq, u llum hawn suq liberalizzat, ma tistax teskludi li din titqies minn xi importaturi bħala okkażjoni biex jgħollu l-prodott. Kulħadd se jagħmel il-kalkoli tiegħu u kien hemm min għamilhom qabel”. 

Ekonomija

Sport